Cassola jitlob lill-Kummissjoni Elettorali tinvestiga jekk Egrant intużatx biex jinġabru fondi għall-PL

Dan wara li Keith Schembri kien irrefera għal kumpanija bħala E-Grant u mhux Egrant, b'Cassola jisħaq li dan saħħaħ l-impressjoni li l-isem tal-kumpanija jfisser Election Grant

Il-kandidat indipendenti, il-Professur Arnold Cassola, kiteb lill-Kummissjoni Elettorali biex tinvestiga jekk it-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant, kinitx intużat biex biex jinġabru fondi għall-Partit Laburista biex jużahom fil-kampanja elettorali.

Fit-talba tiegħu, Cassola għamel referenza għall-post fuq Facebook tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Muscat, Keith Schembri, li meta rrefera għal din il-kumpanija, flok Egrant, kiteb E-Grant.

Fi kliem Cassola, dan saħħaħ l-impressjoni li din il-kumpanja "twaqqfet biex tkun vejikolu għall-ġbir ta' fondi għall-Partit Laburista, appuntu Election Grant."

Fakkar li l-ġbir ta' fondi b'dan il-mod imur kontra l-liġi dwar il-finanzjament tal-partit politiċi u għalhekk talab lill-Kummissjoni Elettorali biex tiftaħ investigazzjoni biex tiskopri jekk sarx dan il-ġbir illegali ta' fondi."

Din il-ġimgħa, meta mistoqsi dwar dan, id-Deputat Mexxej Laburista, Daniel Micallef, insista li ma għandu l-ebda indikazzjoni li dan kien il-każ.

More in Politika