'L-għemil tal-ftit ma għandux itappan it-tajjeb li għamel il-PL' - Daniel Micallef

Micallef jisħaq li ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Partit Laburista kien b'xi mod involut fil-kumpanija Egrant

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, qal li l-Partit Laburista dejjem mexa b’umiltà u lil dawk li jħossuhom imweġġa’ mhux se jiddejjaq jitlobhom maħfra.

Micallef kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara l-kummenti tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca li lbieraħ qalet li l-Partit Laburista għandu jitlob apoloġija lill-partitarji u lill-poplu.

Micallef qal biss li l-għemil tal-ftit ma jirriflettix it-twemmin ta’ partit.

“L-għemil ta’ ftit ma jirriflettix fuq l-attiviżmu ġenwin ta’ eluf. L-għemil ta’ ftit ma għandux itappan il-ħemel ta’ riformi u l-ġid li twettaq fl-aħħar tmien snin,” saħaq Micallef.

Insista li l-aħħar xhur u d-deċiżjonijiet li ttieħdu, kienu dimostrazzjoni ċara li l-Partit Laburista u l-Gvern se jkompli jibni fuq dak li hu tajjeb u jbiddlu dak li hu inqas tajjeb.

“Il-ħażin ma għandu l-ebda kenn fil-Partit Laburista,” insista Micallef.

Mistoqsi dwar il-fatt li dawn ‘il-ftit’ kienu persuni f’karigi importanti fil-partit, Micallef saħaq li “kienu min kienu” l-għemilt ta’ ftit mhux se jtappan il-ħidma tal-partit.

Mistoqsi dwar xnigħat li l-kumpanija Egrant tfisser ‘election grant’ u għalhekk il-PL kien involut fiha, Micallef qal li ma għandu l-ebda indikazzjoni.

Dawn ix-xnigħat imxew aktar minħabba l-fatt li Keith Schembri, meta kiteb fuq Facebook li se jkun arrestat, ma kitibx Egrant iżda ‘E-grant,’ b'bosta jisħqu li dan kien messaġġ sottili.

More in Politika