Rapporti jgħidu li Tony Bezzina se jiffaċċja akkużi kriminali fuq xogħlijiet f'każin tal-PN

Fl-2012 ħarġu allegazzjonijiet li Bezzina kien qabbad ħaddiema tal-Gvern biex waqt il-ħin tax-xogħol jiżbgħu l-każin tal-PN taż-Żurrieq

 

Is-sit MaltaToday irrapporta li d-Deputat Nazzjonalista Tony Bezzina mistenni jkun akkużat quddiem il-Qorti li qabbad ħaddiema tal-Gvern biex jiżbgħu mill-ġdid il-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq fil-ħin tax-xogħol.

Dan il-każ imur lura għall-2012 u kien żvelat mill-gazzetta tal-Partit Laburista ‘Kullħadd.’ Ir-rapport kien jgħid li x-xogħlijiet kienu saru ftit qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2012.

Bezzina qal li hu qatt ma kien mistoqsi jew mitkellem mill-Pulizija f’dawn it-tmien snin kemm ilhom li saru l-allegazzjonijiet.

Madanakollu, skont il-MaltaToday, inkjesta li ġiet konkluża tat struzzjonijiet lill-Pulizija biex jieħu passi.

Bezzina kien fetaħ libell fl-2015 iżda tilfu tliet snin wara. Kien żvelat li d-Deputat kien sejjaħ tliet ħaddiema fl-uffiċċju tiegħu biex jiffirmaw dikjarazzjoni li huma lestew ix-xogħlijiet wara l-ħinijiet tax-xogħol.

Jidher li wieħed minn dawn il-ħaddiema ma riedx jiffirma.

Meta kien qed ikun mistoqsi fil-Qorti, fil-każ tal-libell, wieħed mill-ħaddiema kien ċaħad li ttieħed ġurament fuq din id-dikjarazzjoni u kien qal li ffirma għax kien sfurzat. L-irġiel l-oħra xehdu l-istess.

Wara li ffirmaw id-dikjarazzjoni, tnejn mill-ħaddiema għamlu affidavit li fih ċaħdu li marru jaħdmu fil-każin b’mod volontarju u li kienu marru fuq struzzjonijiet tal-foreman tagħhom.

Fl-2017, Bezzina rebaħ libell kontra l-gazzetta ‘L-Orrizzont,’ li kienet allegat li d-Deputat kien għamel pressjoni fuq il-ħaddiema biex jiffirmaw dikjarazzjoni u li fiha jisħqu li kienu għamlu x-xogħol huma b’mod volonarju.

More in Politika