Mill-pornografija sal-Ġudikatura: Ftit mill-aktar riformi kruċjali mill-2013

Il-Ġustizzja qatt ma kienet taħt daqstant dawl, daqs dawn l-aħħar snin  - wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  Imma ma sar xejn?  U jekk sar, x'sar?  X'bidliet kienu ilhom jiġu diskussi u twettqu fl-oqsma tal-Ġustizzja u l-Intern? Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa ...

F'dawn l-aħħar snin, speċjalment kull meta jqum id-dibattitu li jdur mal-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, jqum is-suġġett tal-ġustizzja u l-bżonn ta' tibdil u riformi f'dan il-qasam.  B'mod speċjali l-eks Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, imma anke l-Ministru kurrenti Edward Zammit Lewis iffaċċjaw kritika qawwija għall-mod kif - skont l-Oppożizzjoni u għaqdiet bħal Repubblika - il-ġustizzja ma kinitx qed titħalla ssir. 

Lilhinn iżda mill-akkużi u l-allegazzjonijiet il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa u tagħmel elenku tal-aktar riformi importanti u kruċjali li saru fil-qasam tal-ġustizzja mill-2013 sal-lum - uħud minnhom li kienu ilhom snin twal diskussi u oħrajn li kienu fl-għajn ta' kritika u protesti.

Mejju 2013 - Daqshekk każi ta' korruzzjoni preskritti

Mill-2013 politiċi jew persuni oħrajn imdaħħlin f'korruzzjoni politika ma setgħux jibqgħu jinvokaw il-preskrizzjoni meta każ jispiċċa l-Qorti. 

L-eks PM Joseph Muscat u dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici kienu qalu illi minkejja li jgħoddu proviżjonijiet fil-Liġi Kriminali u deċiżjonijiet tal-Qorti, "dawk illi wettqu korruzzjoni mhux se jibqgħu jorqdu faċilment."  Ironikament, il-politiċi li b'xi mod kienu implikati f'korruzzjoni qabel l-2013, sal-lum "faċilment" għadhom qed jorqdu - kuntrarjament għal oħrajn li bħalissa għaddejjin proċeduri jew inkjesti fil-konfront tagħhom, prinċipalment Keith Schembri u Konrad Mizzi - bi Schembri arrestat fuq akkużi mill-aktar serji. 

Din il-liġi tgħodd ukoll għal Sindki u Kunsilliera Lokali. 

Settembru 2013 - Il-Liġi tal-Whistleblower

Fl-istess sena ddaħlet il-Liġi li tagħti protezzjoni lil persuni li jikxfu atti ta' korruzzjoni jew reati oħrajn.  Meta jagħmlu dan, ikollhom piena inqas u jingħataw protezzjoni għax ikunu qed jgħinu lill-pulizija f'xogħolhom. 

Bħala liġi l-NGO Blueprint For Free Speech kienet qalet illi dik ta' Malta, f'dan il-każ, hija t-tieni l-aqwa fl-UE.

Kienu fil-fatt, erba' pajjiżi biss - l-Irlanda, Malta, Franza u r-Renju Unit, li raw il-Liġi tal-Whistleblowers tagħhom tikseb punteġġ ta' aktar minn 50%. 

Din il-liġi ma kinitx nieqsa mill-kontroversja hekk kif il-Gvern baqa' jirrifjuta li jagħti status ta' Whistleblower lil Maria Efimova - illi sussegwentement kienet akkużata f'Inkjesta Maġisterjali, b'kalunja u ġurament falz.  Hija kienet qalet illi skont dokumenti li hi tgħid li rat meta kienet taħdem il-Bank Pilatus, Egrant Inc kienet f'isem Michelle Muscat - xi ħaġa li kemm hi u anke l-eks Prim Ministru Muscat dejjem ċaħdu. 

Imbagħad kien hemm ukoll il-każ tal-eks Spettur li kien jaħdem l-FIAU Jonathan Ferris li wkoll talab għal dan l-istatus biex, skont hu, jikxef korruzzjoni li tinvolvi persuni fl-ogħla pożizzjonijiet. 

Il-Unit tal-Whistleblower ma kienx aċċetta din it-talba għax kienet qalet illi Ferris ma mexiex mad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex persuna tingħata din il-protezzjoni. 

Ferris kien qal illi l-FIAU kienet ippreparat dokument ta' 130 paġna dwar Konrad Mizzi, li kellu jintbagħat lill-pulizija biex jinvestigaw, bl-MEP David Casa jgħid illi dan kien isejjaħ għal investigazzjoni kriminali kontra l-eks Ministru.  

L-FIAU kienet ċaħdet illi hemm rapport konkluż fuq il-materja.

Jannar 2016 - Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti

Il-Gvern preżenti waqqaf il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, liġi li kienet ilha tiġi diskussa u ilha tiġi proposta snin sħaħ u ma kien sar xejn fuqha.  L-għan kien li jinqatgħu r-rabtiet li jistgħu jwasslu għal korruzzjoni, bejn politiċi u negozjanti. 

Il-liġi kienet tgħid li persuna ma tistax tagħti aktar minn €26,000 f'donazzjoni u li f'maratona ta' ġbir partit jista' jaċċetta donazzjonijiet ta' €50 mingħajr il-bżonn li jirreġistraw lil persuna b'mod individwali.  Partiti jistgħu jaċċettaw donazzjonijiet ta' bejn €50 u €500, billi jirrapportaw l-ammont globali mhux individwali, imma l-Kummissjoni Elettorali jkollha kull dritt li tivverifika fejn tħoss li hemm bżonn. 

Kull donazzjoni ta' aktar minn €7,000 trid tiġi rrappurtata lill-Kummisjoni, flimkien mal-ismijiet tad-donaturi.  Il-Kummissjoni kellha, skont din ir-riforma, tippubblika l-ismijiet ta' dawk li għamlu dawn id-donazzjonijiet. 

Frar 2016:  L-ikkriminalizzar tar-revenge porn u tal-istalking

Il-Gvern illeġiżla kontra r-revenge porn u l-istalking, apparti li rriforma l-liġi dwar il-pornografija biex din ma sservix biex tagħlaq ħalq u tiċċensura lill-artisti. 

Din il-liġi kienet ilha ġejja minn meta infetħu proċeduri kriminali kontra Mark Camilleri, dak iż-żmien editur tal-gazzetta Ir-Realtà u kontra Alex Vella Gera għall-pubblikazzjoni tal-istorja Li Tkisser Sewwi.  Dan qajjem għagħa u rabja fost l-artisti u s-soċjetà in ġenerali, b'mod speċjali ma' settur iktar liberali tal-poplu li dejjem qed jikber. 

Pornografija li turi stupru u pornografija tat-tfal baqgħet offiża kriminali, filwaqt li ma baqgħetx illegali li tara pornografija 'mainstream'. 

Frar 2017:  Jitneħħa l-Libell kriminali kontra l-ġurnalisti

Il-Gvern ippropona u wara għadda bidliet sabiex jitneħħa l-libell kriminali darba għal dejjem. Il-Libell kriminali kien jitmexxa mill-pulizija u kien ifisser ċans ukoll li ġurnalist jeħel il-ħabs.  Il-Gvern neħħa wkoll il-mandati kontra ġurnalisti li qed jiffaċċjaw libelli fuq flus fil-bank u proprjetà - xi ħaġa li kienet proposta wkoll mill-Partit Nazzjonalista. 

Minn naħa l-oħra d-danni għal libell ċivili żdiedu minn massimu ta' €7,000 sa' massimu ta' €20,000. 

Dawn il-bidliet kienu wkoll frott ta' mandat ta' sekwestru li kien fetaħ l-eks Ministru Chris Cardona kontra Daphne Caruana Galizia li permezz tiegħu saret ordni ta' friża ta' €46,000 kontra l-ġurnalista.

April 2015: Riforma fil-qasam tad-droga

Il-Pulizija baqgħu jmexxu kontra persuni li jinqabdu b'użu personali ta' droga, fosthom massimu ta' żewġ pilloli ecstasy jew żewġ grammi ta' droga oħra.  Dawn iżda ma jmorrux aktar il-Qorti imma jidhru quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja. Huma soġġetti għal multi ta' bejn €65 u €125.  Il-Pulizija jistgħu jżommu dawn il-persuni taħt arrest biex jiksbu informazzjoni dwar traffikar. 

Persuna li tinqabad bi droga li mhix Kannabis għat-tieni darba, tintbagħat quddiem id-Drug Offenders Rehabilitation Board fejn ikun deċiż x'tip ta' rijabilitazzjoni se ssegwi. 

Qabel ir-riforma persuna li tinqabad b'sempliċi pussess setgħet teħel minn tliet xhur sa 12-il sena priġunerija. 

Il-Gvern kien llegalizza wkoll il-kannabis għall-użu mediċinali. 

2017/2020: Il-Liġi tal-Koabitazzjoni

Jekk kien hemm liġi li kienet ilha tiġi diskussa u dwarha ma sar assolutament xejn għal madwar 20 sena, kienet il-Liġi tal-Koabitazzjoni. 

Fl-2017 l-Att dwar il-Koabitazzjoni ta lil koppji d-dritt legali li jkunu rikonoxxuti, bl-istess drittijiet li għandha persuna miżżewġa jew f'unjoni ċivili, f'termini ta' drittijiet tal-familja u xogħol.  Il-liġi assigurat drittijiet soċjali u benefiċċji għal dawk koabitati, inkluż id-dritt li tapplika għall-pensjoni tal-romol, children's allowance u deċiżjonijiet mediċi għas-sieħeb jew sieħba. 

Fl-2020 imbagħad din il-liġi ttejbet pemezz ta' Att Pubbliku quddiem nutar. 

2018/2020: Riformi fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Il-Ministru Edward Zammit Lewis ippresieda fuq numru ta' bidliet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali - li kien fil-mira ta' kritika ma taqta' xejn mill-PN u minn Repubblika/Occupy Justice - meta dan kien immexxi minn Peter Grech.   

L-ewwelnett ġie trasferit l-irwol ta’ prosekuzzjoni tal-aktar reati gravi u importanti f’pajjiżna mill-Pulizija lill-Avukat Ġenerali, sabiex dan issa jkollu l-poter f’idejh biex jipprosekwixxi wara investigazzjoni mill-Pulizija jew wara konklużjonijiet ta’ inkjesta maġisterjali.

It-tieni bidla hija li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna ser ikollna stħarriġ ġudizzjarju magħruf bħala ‘judicial review’, fejn wieħed ikun jista’ jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Dan id-dritt ta’ stħarriġ qed jingħata għall-ewwel darba liċ-ċittadini ta’ pajjiżna li jħossuhom aggravati mid-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali. 

Lura fl-2018 l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali inqasam fi tnejn.  L-Avukat tal-Istat li huwa l-konsulent legali ewlieni tal-Gvern u l-Avukat Ġenerali, li x-xogħol prinċipali tiegħu huwa li jmexxi l-prosekuzzjonijiet f’pajjiżna. 

Edward Zammit Lewis - Ritratt: DOI
Edward Zammit Lewis - Ritratt: DOI

2020: Riforma fil-Ġudikatura  - Ħatra u Dixxiplina

Il-Gvern wettaq riforma li permezz tagħha rristruttura l-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji.  Il-Prim Imħallef se jkun iċ-Chairperson tiegħu flimkien ma’ sitt membri li huma:  L-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman, il-President tal-Kamra tal-Avukati, żewġ Imħallfin u Maġistrat - ilkoll magħżula minn sħabhom stess

Dwar il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, la l-Avukat Ġenerali u lanqas l-Avukat tal-Istat mhuma se jkunu parti minnha. 

Issa l-Ħatra tal-Prim Imħallef se tibda ssir biż-żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari, għall-ewwel darba fl-istorja. 

Jekk ir-riżoluzzjoni Parlamentari ma tiksibx żewġ terzi tal-voti, il-Prim Imħallef ikun maħtur b’riżoluzzjoni li tkun kisbet maġġoranza ta’ voti

Intant ukoll f'li jirrigwarda d-dixxiplina, ir-riforma ppilotata minn Zammit Lewis tara li ma jkunx il-Parlament, iżda l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li tneħħi xi membru tal-Ġudikatura. 

2020:  President tar-Repubblika jinħatar biż-żewġ terzi

Meta jispiċċa t-terminu ta' George Vella bħala President tar-Repubblika, il-President li jmiss se jinħatar wara vot taż-żewġ terzi tar-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament - għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta Repubblika.  Dan wara l-bidliet li ġabet magħha ir-Riforma Kostituzzjonali li wettaq dan il-Gvern. 

2020: Riforma fil-ħatra ta' Kummissarju tal-Pulizija 

Il-Korp tal-Pulizija qala' daqqiet serji fil-kredibilità.  Mhux biss b'diversi riżenji ta' Kummissarji, li mbarazzaw mhux ftit lill-Korp tal-Pulizija, imma wkoll permezz ta' kritika ma taqta' xejn fil-konfront ta' Lawrence Cutajar.  Cutajar saħansitra spiċċa is-suġġett ta' investigazzjoni wara li ordnat li jsir dan il-Maġistrat Rachel Montebello, fuq akkużi illi kien għadda informazzjoni dwar investigazzjonijiet attivi ta' ħasil ta' flus lil Melvin Theuma, apparti li qallu illi kien qed jiġi investgat b'rabta mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  

Il-Gvern wettaq riforma li permezz tagħha issa jinfetħu applikazzjonijiet ta' dawk interessati li jokkupaw il-kariga.  Il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku tniżżel il-lista ta' kandidati għal tnejn bil-Kabinett jagħżel il-farvorit tiegħu.  Din l-għażla imbagħad tmur għall-iskrutinju quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, fil-Parlament. 

L-aħħar kelma iżda tibqa' tal-Prim Ministru. 

Din is-sistema - ippilotata mill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri - hija ferm 'il bogħod u qed toffri livelli ħafna akbar ta' skrutinju għal din il-ħatra importanti, minn qabel, meta l-Prim Ministru kien jagħżel direttament hu min ikun il-Kummissarju tal-Pulizija. 

Kemm ilu fil-pożizzjoni Gafa' naqset ħafna l-kritika lejn il-Korp minn diversi bnadi.

More in Politika