Kull dar f’Malta u Għawdex ser tirċievi taħlita ta’ żrieragħ ta' fjuri selvaġġi

Kull dar f’Malta u Għawdex ser tkun qiegħda tirċievi taħlita ta’ żrieragħ flimkien ma’ fuljett fuq kif wieħed għandu jiżra’ u jindokra dawn il-fjuri

Ġie mħabbar proġett ta’ distribuzzjoni ta’ żrieragħ, lil kull dar f’Malta u Għawdex, flimkien ma’ fuljett fuq kif wieħed għandu jiżra’ u jindokra dawn il-fjuri.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia fejn spjega li inizjattivi bħal dawn qegħdin jittieħdu mill-gvern biex jikkontribwixxu għall-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità għall-perjodu 2020 sal-2030. Il-Ministru spjega li, “dan huwa pjan komprensiv, ambizzjuż u fit-tul biex jipproteġi n-natura u jreġġa’ lura t-telf tal-abitat permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi mal-pajjiż kollu, inkluż azzjonijiet ewlenin fuq speċi ta’ pollinaturi.”

Fil-fatt, dan il-proġett oriġina minn inizjattiva biex teduka u tgħarraf lill-pubbliku dwar l-importanza fl-ekosistema tal-pollinaturi kif ukoll tal-abitati li jiddependu minnhom. Il-proġett qed isir mill-ministeru u minn Ambjent Malta wara ħidma fit-tul biex iż-żrieragħ jaslu fid-djar fil-ħin għar-rebbiegħa.

Il-fjuri selvaġġi jiġu f’firxa wiesgħa ta’ forom u kuluri, filwaqt li jipproduċu aroma attraenti partikolarment għall-ispeċi tad-dakkara, kif ukoll għall-bnedmin. Għal din ir-raġuni, il-fjuri selvaġġi tal-oriġini wrew li huma popolari ma’ ħafna nies li jħobbu l-ġardinaġġ mid-dar. Inklużi fit-taħlita taż-żerriegħa tal-fjuri selvaġġi, hemm żrieragħ li joriġinaw minn erba’ speċi indiġeni tal-fjuri selvaġġi, jiġifieri il-Buttuniera (Sweet Alyssum), il-Peprin Aħmar (Red Corn Poppy), il-Kamomilla (Chamomile) u l-Fidloqqom (Borage).

Dawn il-pjanti kollha jistgħu jinstabu jikbru f’għelieqi u siti naturali madwar il-Gżejjer Maltin. “Billi għarraf lill-pubbliku dwar ir-rwol tal-fjuri selvaġġi u jħeġġeġ lin-nies biex ikabbru pjanti li jiffavorixxu l-pollinaturi d-dar, dan il-proġett tal-gvern għandu jikkontribwixxi għall-Inizjattiva talUE dwar il-Pollinaturi. Din l-inizjattiva telenka azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha biex jindirizzaw it-tnaqqis tal-pollinaturi fl-UE u jikkontribwixxu għall-isforzi ta’ konservazzjoni globali”, ikkonkluda Farrugia.

More in Politika