Ir-Renju Unit u Malta fuq quddiem fid-dożi mogħtija ... Malta u s-Serbja fuq quddiem fit-tieni dożi

Malta tibqa' tirreġistra progress qawwi kemm fin-numru ta' dożi mogħtija, imma anke fin-numru ta' nies li ħadu t-tieni doża meta mqabbel ma' pajjiżi madwarna

Skont ċifri ppubblikati mis-sit statista.com Malta, flimkien mar-Renju Unit u s-Serbja, kienet fuq quddiem fl-Ewropa fil-proċess ta' vaċċinazzjoni ras għal ras.  Fil-fatt fuq quddiem nett hemm ir-Renju Unit li sal-31 ta' Marzu li għadda kien ta 50.8 doża għal kull 100 resident, filwaqt li Malta kienet qed tagħti 42.1.  Wara Malta jiġu s-Serbja (35.6) u l-Ungerija (26.6). 

Fuq livell mondjali u skont statistika differenti - dik mis-sit Our World in Data - meta wieħed jikkunsidra d-dożi mogħtija, Malta (33.5%) tinsab fuq il-Bahrain, pajjiż li kien qed jiġri quddiemna sew fil-bidu tal-proċess.  L-Iżrael jibqa' fuq quddiem nett hekk kif dan il-pajjiż ta dożi lil 60.6% tal-popolazzjoni. 

F'dak li jirrigawarda t-tieni doża, Malta wkoll tinsab fuq quddiem skont statistika ippubblikata mis-sit Euronews.  Dawn iċ-ċifri juru kif  Malta hija t-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa li amministrat it-tieni doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.  Fil-fatt, bi 12.1%, il-Maltin huma wara s-Serbjani li 14.4% minnhom ħadu t-tieni doża, imma qabel it-Turkija li amministrat 8.8% ta' tieni dożi.  Ir-Renju Unit hawnhekk jaqa' lura sew. 

Sal-lum ingataw kważi 210,000 doża tal-vaċċin li ftit aktar minn 57,000 minnhom kienu nies li ħadu t-tieni doża wkoll.  Rapporti llum qalu illi l-pjan tal-Gvern huwa li sas-7 ta' Ġunju kulħadd ikun ħa mqar l-ewwel doża. 

More in Politika