Ritratti | Il-pjazza tal-Birgu u t-toroq tal-madwar se jingħataw dehra ġdida

Qabel ma jsiru ix-xogħlijiet f’Misraħ ir-Rebħa, li hija l-Pjazza tal-Birgu, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid erba’ toroq residenzjali li hemm ħdejha u li wħud minnhom jagħtu għal ġo fiha

Waqt żjara fil-Birgu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo ħabbru x-xogħlijiet li l-aġenzija Infrastructure Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qegħdin iwettqu bħala parti mill-proġett tal-Pjazza tal-Birgu.

Qabel ma jsiru ix-xogħlijiet f’Misraħ ir-Rebħa, li hija l-Pjazza tal-Birgu, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid erba’ toroq residenzjali li hemm ħdejha u li wħud minnhom jagħtu għal ġo fiha.

“Bħalma preżentament qegħdin anke naħdmu għar-riġenerazzjoni tal-Isla, hawnhekk ukoll qed isiru xogħlijiet fosthom fuq il-Pjazza tal-Birgu. L-għan tagħna huwa li l-Kottonera terġa’ tingħatalha dak l-istat prestiġjuż li jixirqilha permezz ta’ xogħol tal-ogħla kwalità," saħaq il-Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li l-għan aħħari ta’ dan il-proġett huwa li jtejjeb l-aċċessibilità għal min jiffrekwenta din il-pjazza permezz ta’ żona pedonali. 

“Ser nagħtu l-Pjazza tal-Birgu lura lin-nies bi spazju pubbliku iżjed miftuħ għall-Maltin u t-turisti," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Bħala xogħlijiet huwa ppjanat li l-ewwel ssir Triq La Vallette, imbagħad warajha se jsegwu t-tieni parti ta’ Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq San Filippu u Triq il-Miratur.

Fil-lokalità tal-Birgu, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid l-ewwel parti ta’ Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa u Triq San Dwardu. 

Ix-xogħlijiet se jinkludu s-servizzi taħt l-art u l-bankini qabel ma jissaħħu l-pedamenti u t-toroq isirilhom wiċċ ġdid. Meta jitlestew dawn l-erba’ toroq, Infrastructure Malta mbagħad se twettaq il-proġett fil-Pjazza tal-Birgu li se jsir f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu.

L-aġenzija se tagħmel xogħlijet ta’ xi servizzi u tlesti t-triq biex din imbagħad tiġi pavimentata

More in Politika