L-iGEN tgħid li l-aħħar żviluppi qed ikomplu jagħmlu aktar ħsara lill-industrija tal-iGaming

L-assoċjazzjoni tinnota b'sodisfazzjon l-aħħar arresti għalkemm tgħid li fadal xi jsir biex tissewwa l-ħsara reputazzjonali li saret lill-industrija f'Malta ...

Ir-rappreżentanti f'Malta tal-industrija tal-iGaming sostnew illi l-aħbarijiet li jikkonċernaw korruzzjoni, kif ukoll l-akkużi fil-konfront ta' diversi persuni - fosthom l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri - "qed iħallu impatt negattiv dirett u indirett fuq din l-industrija." 

L-Assoċjazzjoni iGEN qalet illi l-ftit qed jagħmlu ħsara kbira lit-tieni l-akbar industrija f'Malta li tirrapreżenta 13% tal-Prodott Gross Domestiku, bir-riżultat li qed jiżdiedu l-kumplessitajiet operazzjonali, qed jiżdiedu l-ispejjeż, qed jintilef ix-xogħol u qed issir "ħsara reputazzjonali sostanzjali lil Malta."

L-iGEN qalet illi qed tappoġġja l-isforzi kollha tal-pulizija u tal-ġudikatura biex issir investigazzjoni u tittieħed azzjoni, issir ġustizzja u kulħadd iħallas ta' għemilu.  Ittamat li dak li se joħroġ mir-rapport tal-Moneyval ikun pożittiv, filwaqt li kkundannat kull att ta' korruzzjoni, ħasil ta' flus u frodi. 

"Aħna sodisfatti li l-istituzzjonijiet relevanti bdew jieħdu azzjoni deċiżiva kontra allegazzjonijiet li saru, imma  hemm bżonn isir ħafna iktar.  Kull min kien imdaħħal f'korruzzjoni għandu jinżamm kontabbli u jeħtieġ jintbagat messaġġ ċar," sostna iċ-Chairperson tal-iGEN Enrico Bradamante. 

More in Politika