'Investigaw kull tranżazzjoni li fiha kien involut Schembri bħala Chief of Staff' - ADPD

L-ADPD fakkret li l-istess nies li kienu qed jagħtu l-pariri lil Keith Schembri  - Nexia BT - poġġew fuq bordijiet li approvaw diversi proġetti, meta Schembri kien Chief of Staff

L-ADPD qalet illi wara dak li ħareġ ilbieraħ fil-Qorti dak kollu li fih kien involut Keith Schembri, meta kien Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jeħtieġ ikun investigat. 

"It-tixħim li sirna nafu bih ilbieraħ sar qabel Schembri ġie appuntat bħala Chief of Staff minn Joseph Muscat. Iżda waqt li kien Chief of Staff, Keith Schembri kellu influwenza u sehem f'diskussjonijiet dwar diversi proġetti u ftehim ma' dawk li suppost kienu investituri privati," tfakkar l-ADPD.

Il-partit fakkar ukoll  li l-accountants u l-konsulenti li taw il-pariri fuq dawn il-biċċiet negozju u li okkupaw pożizzjonijiet fuq bordijiet ta' aġġudikazzjoni li approvaw proġetti tal-maġġuri - jiġifieri Nexia BT -  huma l-istess individwi li llum tressqu l-Qorti akkużati li għenu lil Schembri "fl-aġir kriminali tiegħu."

"X’ġara eżatt meta Schembri kien Chief of Staff? Għandna d-dritt inkunu nafu. Nitolbu u nesiġu investigazzjoni fil-fond tat-tranżazzjonijiet kollha li Schembri kien involut fihom waqt li kien Chief of Staff. Għandna dritt insiru nafu jekk ġejniex milgħubin minn Schembri u sħabu għall-benefiċċju tal-ftit," temmet tgħid l-istqarrija tal-ADPD. 

More in Politika