Il-profitt ta' $5 miljuni minn xiri ta' magni inqasam bejn Keith Schembri, Hillman u Buhagiar mill-Allied Newspapers

Fil-Qorti jirriżulta li Adrian Hillman u Vince Buhagiar mill-Allied Newspapers ressqu proposta għal xiri ta' magni mill-Kasco u qasmu l-profitti ma' Keith Schembri u Malcolm Scerri

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Group Adrian Hillman
L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Group Adrian Hillman

Meta kien qed jixhed illum waqt il-każ kontra diversi persuni fosthom Keith Schembri, Adrian Hillman u Vince Buhagiar, l-Ispettur Joseph Xerri qal illi mix-xogħol li rebħet għal magni mixtrijin mill-Allied Newspapers il-kumpanija Kasco - ta' Schembri - għamlet $5 miljuni, bil-profitti jinqasmu bejn Schembri, Malcolm Scerri - sieħeb fin-negozju ma' Keith Schembri - Adrian Hillman u Vince Buhagiar, eks Direttur Maniġerjali u eks Chairman tal-Allied Newspapers rispettivament. 

Il-Qorti semgħet kif Hillman u Buhagiar ressqu proposta mill-Kasco Engineering ta' $13-il miljun, bil-magni jaslu sitt xhur wara fl-2010. 

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-flus li rċevew Adrian Hillman u Vince Buhagiar, poġġewhom fil-kont personali tagħhom - minkejja li x-xiri kien f'isem il-Progress Press.  Dawn it-tnejn iddepożitaw aktar flus li mhux ċar minn fejn ġew bl-Ispettur Joseph Xerri jiddeskrivi dawn kollu bħala "każ ċar ta' tixħim."

Minn naħa tagħha l-Ispettur Ann Marie Xuereb xehdet kif Keith Schembri kien qalilhom li kien mar Brussell, flimkien mad-Diretturi tal-Allied Newspapers Adrian Hillman, Vince Buhagiar u oħrajn mill-Fondazzjoni Strickland kif ukoll Malcolm Scerri u Robert Zammit li wkoll jinsabu taħt arrest - biex jaraw dawn il-magni.

L-Ispettur Xerri xehed kif il-magni li nxtraw mill-Allied Newspapers għal €13-il miljun kienu stmati li fil-verità jiswew €2 miljuni skont id-dikjarazzjonijiet tad-Dwana.

'Imġieba konsistenti ma' ħasil ta' flus' u €400,000 fil-British Virgin Islands  

L-Ispettur Xerri qal illi l-imġieba f'dan il-każ "huwa konsistenti ma' raġunijiet ta' ħasil ta' flus ... dik li kellha tkun tranżazzjoni sempliċi spiċċat f'serje ta' tranżazzjonijiet ikkumplikati magħmulin sabiex jinħbew kummissjonijiet ... ikkoordinati mill-istess nies li kienu involuti f'dan il-ftehim." 

F'dan il-punt il-Qorti ordnat biex ma jissemmewx ismijiet ta' nies li għadhom ma tressqux l-Qorti u allura isem Hillman. 

Xerri jkompli jgħid illi l-persuna li isimha ma jistax jissemma, irċeviet €400,000 f'Lester Holdings, kumpanija fil-British Virgin Islands u €150,000 oħra f'Ġunju 2012. 

Schembri kien qal lill-pulizija illi hu kien qed jaħdem ma' Hillman għal proġetti barra mill-pajjiż u li kien sellef €1 miljun lill-Allied Newspapers li kellhom jitħallsu fuq medda erba' snin.  Il-ħlasijiet għal dawn il-kumpaniji għaddew f'ġurisdizzjonijiet diversi biex tkun evitata t-taxxa.

L-Ispettur Ann Marie Xuereb tgħid li Schembri qalilhom li l-kumpanija tiegħu ma kienx ikollha xogħol mal-Allied Newspapers, sakemm daħal fit-tmexxija Adrian Hillman.  Schembri kien qal lill-Pulizija, tgħid l-Ispettur, illi dak kollu li għamel għamlu biex jinħoloq ix-xogħol. 

Dwar tranżazzjonijiet ma' missieru Alfio Schembri, li wkoll jinsab taħt arrest, Keith Schembri saħaq illi dawn kienu donazzjonijiet imma l-ispettur qalet illi dawn il-flus kienu mniżżlin bħala 'paga'. 

U kif jidħlu fiha tan-Nexia BT? 

Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT - spjega l-Ispettur Joseph Xerri - taw pariri ta' kif għandhom jintużaw il-kumpaniji offshore li fihom daħlu l-flus marbutin ma' dan il-ftehim bejn il-Kasco u l-Allied Newspaperes, effettivament iservu ta' ħassiela tal-flus professjonali biex dawn il-flus jinħaslu.  Malcolm Scerri kien sostna illi dan ix-xiri kien kompletament leġittimu kif jgħid li kien il-proċess kollu warajh. 

X'ġara nhar is-Sibt li għadda?

11-il persuna tressqu l-Qorti nhar is-Sibt li għadda, b'Schembri qed ikun akkużat b'korruzzjoni, xhieda falza u ffalsifikar ta' dokumenti fost diversi akkużi oħra.

L-assi kollha tal-akkużi ġew iffriżati.

Fost oħrajn, l-akkużi fil-każ kontra Schembri huwa mifhum li jduru ma' allegazzjoni li kienu għaddew €650,000 minn Hillman għal għand Keith Schembri, liema pagamenti saru minn kumpaniji u strutturi "sigrieti."

Iżda mhux biss, ilbieraħ, waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT, fost oħrajn, il-prosekuzzjoni spjegat diversi affarijiet fosthom dwar €100,000 li għaddew mingħand Brian Tonna għal għand Keith Schembri.

Schembri qed jgħid li dan kien 'self' li ta lil Tonna biex ma jispiċċax dahru mal-ħajt waqt proċeduri ta' separazzjoni, iżda l-prosekuzzjoni, qalet li hi xettika dwar dan, anke għax Tonna kellu biżżejjed assi u flus f'idu u ma kienx se jkollu problemi finanzjarji.

More in Politika