Il-Gvern jestendi l-moratorji u d-diferimenti tat-taxxa - hekk kif tkompli tinħass l-għafsa tal-pandemija

Il-Moratorji estiżi minn 12 għal 18-il xahar, id-differimanti tat-taxxa estiżi sa Diċembru 2021 u konċessjoni ta' darba għal min għandu taxxa dovuta

Il-Ministru Clyde Caruana waqt il-Konferenza tal-aħbarijiet
Il-Ministru Clyde Caruana waqt il-Konferenza tal-aħbarijiet

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ħabbar iktar miżuri sabiex il-Gvern ikompli jgħin l-istabilità finanzjarja tan-negozji Maltin u Għawdxin f’dan iż-żmien tal-pandemija.

Il-Ministru Caruana qal li f’April li għadda meta ġiet imnedija il-Covid-19 Guarantee Scheme, amministrata mill-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp, kien hemm l-aspettativi li l-agħar impatt tal-pandemija kien se jkun għadda sal-aħħar tal-2020. "Illum, huwa evidenti li l-effetti persistenti tal-pandemija qed ipoġġu l-likwidità tan-negozji taħt pressjoni kontinwa," sostna l-Ministru Caruana. 

Għaldaqstant, ħabbar li l-perjodu massimu tal-moratorju taħt il-Covid-19 Guarantee Scheme se jiġi estiż minn 12-il xahar għal 18-il xahar. Huwa qal li minn din l-estensjoni se jibbenefikaw kemm in-negozji, li se jkollhom iktar nifs li hu tant meħtieġ sabiex jibqgħu joperaw u kif ukoll il-banek, li mhux se jkunu esposti għal ċerti riskji. Għalhekk, il-Covid-19 Guarantee Scheme se tiġi estiża mit-30 ta’ Ġunju 2021 sat-30 ta’ Settembru 2021.

Il-Ministru spjega wkoll kif id-definizzjoni ta’ ‘working capital’ se titwessa’ sabiex tinkludi wkoll l-ispejjeż finanzjarji relatati mas-servizzi ta’ self bankarju għan-negozji li ġew impattati b’mod negattiv mill-pandemija. Dan ifisser il-ħlasijiet tal-imgħax u l-ħlas lura tas-self bankarju nnifsu. Dan se jgħin sabiex inaqqas il-pressjonijiet immedjati fuq il-likwidità tan-negozji.

Huwa qal ukoll li l-miżura tad-differiment tat-taxxa se tiġi estiża b’mod li l-perjodu ta’ differiment issa se jkopri minn Awwissu 2020 sa Diċembru 2021. It-taxxi eliġibbli jinkludu t-taxxi kollha mħallsa minn min iħaddem. Il-ħlas ta’ dawn it-taxxi irid jibda jsir minn Mejju 2022. Il-Ministru spjega wkoll li l-ebda imgħax jew penali mhu se jiġi mpost fir-rigward tat-taxxi li se jiġu differiti permezz ta’ din l-miżura. Fl-istess waqt, din l-miżura mhix se tneħħi l-obbligu li wieħed jissottometti d-dokumenti neċessarji hekk kif mitlub mil-liġi.

Finalment Caruana ħabbar ukoll li n-negozji li għandhom bilanċi tat-taxxa pendenti, se jingħataw konċessjoni ta’ darba biex iħallsu t-taxxa dovuta lill-Gvern. Dawn in-negozji se jkunu eżentati mit-Taxxa fuq il-qligħ kapitali meta jbigħu proprjetà biex ir-rikavat imur għall-ħlas tat-taxxa dovuta minnhom. L-eżenzjoni se tkun qed tapplika fuq l-ammont ta’ dħul mill-bejgħ ta’ proprjetà li huwa ekwivalenti għall-ammont ta’ taxxa li hija dovuta lill-Gvern sad-data tal-konvenju. Il-konvenju jeħtieġ li jkun iffirmat sa Marzu 2022.

More in Politika