Il-PN jistaqsi jekk wara l-arresti tas-Sibt għandhiex tinfetaħ mill-ġdid l-inkjesta Egrant

Fenech Adami qal dan wara l-arrest ta' Brian Tonna u Karl Cini li kienu dawk li fetħu t-tliet kumpaniji fil-Panama

Beppe Fenech Adami
Beppe Fenech Adami

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami qal li fid-dawl tal-aħħar żviluppi u arresti, inkluż ta' Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT, "min hu responsabbli" għandu jara jekk għandhiex issir reviżjoni tal-inkjesta Egrant.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti, Fenech Adami fakkar li waħda mill-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant kienet tgħid li kien hemm falsifikazzjoni ta' dokumenti.

Fakkar li Brian Tonna u Karl Cini, fost oħrajn, kienu akkużati b'falsifikazzjoni ta' dokumenti u għalhekk saħaq li min hu responsabbli biex toħroġ il-verità dwar Egrant, wara dawn l-aħħar żviluppi, għandu jara jekk għandhiex issir reviżjoni tal-inkjesta.

"Li hu żgur huwa li llum, f'waħda miċ-ċelel ta' Kordin, hemm il-persuni li kienu l-arkitetti biex inħolqot l-istruttura tat-tliet kumpaniji fil-Panama, li huma Egrant, il-kumpanija ta' Keith Schembri u l-kumpanija ta' Konrad Mizzi, li llum hemm provi u dokumentazzjoni uffiċjali li juru kif twaqqfu biex jirċievu flus mill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija wara l-powerstation u li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech," insista. 

'Robert Abela qed jigdeb...hu l-kontinwazzjoni ta' Muscat'

Tul il-konferenza, Beppe Fenech Adami saħaq ukoll l-Prim Ministru Robert Abela qed jigdeb meta jgħid li hu jew il-Gvern immexxi minnu ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-arresti ta' nhar is-Sibt li għadda, għax l-allegati reati ma seħħewx fi żmien li hu kien Prim Ministru.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Fenech Adami saħaq li r-reazzjoni tal-Prim Ministru u tal-Partit Laburista mhijiex veritiera u qed tippreżenta xi ħaġa li mhijiex minnha.

“Fid-diskors tiegħu Abela ħa l-pożizzjoni, iddefenda lilu nifsu, billi qal li dak li seħħ ma seħħx fi żmien li hu kien parti mill-Gvern,” saħaq Fenech Adami. “Daqslikieku hu mhuwiex il-kontinwazzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.”

Fenech Adami fakkar li għajta ta’ Robert Abela, fil-kampanja biex isir Mexxej Laburista kienet dik ta’ kontinwità mal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Fakkar li Abela kien ukoll konsulent ta’ Joseph Muscat għal diversi snin u fi kliemu, għamel kampanja jiftaħar li hu l-aħjar persuna biex ikun Prim Ministru għax kien jaf kif kien jopera Joseph Muscat għax kien viċin tiegħu.

“Ikun diżonest meta jipprova jagħti l-impressjoni li dak li qed iseħħ ma għandu l-ebda konnessjoni politika miegħu għax ma seħħx fi żmienu,” saħaq Fenech Adami.

Qal ukoll li l-Partit Laburista qed jigdeb meta qed jagħti l-impressjoni li l-iżviluppi u l-arresti li seħħew kienu riżultat ta’ inkjesta waħda.

Insista li l-passi ttieħdu fuq żewġ inkjesti, jiġifieri waħda fuq allegazzjonijiet ta’ tixħim u abbużi fil-bejgħ tal-passaporti u oħra dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim li ngħata minn Keith Schembri lil diversi persuni, fosthom Adrian Hillman.

Fil-fatt, insista wkoll li l-Prim Ministru u l-PL qed jigdbu meta jgħidu li dawn l-akkużi fuq dawn il-persuni saru fuq reati li seħħew fi żmien Gvern Nazzjonalista.

“Il-bejgħ tal-passaporti kien il-baby ta’ Joseph Muscat,” insista Fenech Adami u saħaq li t-tieni inkesta, primarjament, ukoll kienet dwar reati li allegatament seħħew fi żmien Gvern Laburista. Fakkar li l-allegat tixħim ta’ eluf ta’ ewro li għaddew bejn Schembri u Hillman seħħew fil-perjodu li jwassal sal-perjodu tal-2015, jiġifieri fi żmien meta Schembri kien Chief of Staff ta’ Kastilja. 

Fakkar ukoll li dawn iż-żewġ inkjesti ntalbu mill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u kien hawn li insista li dak li seħħ is-Sibt kien “pass żgħir lejn il-ġustizzja” li seħħ mhux bis-saħħa tal-Prim Ministru, imma bis-saħħa ta’ ġurnalista li tilfet ħajjitha, snin ta’ attiviżmu politiku minn diversi NGOs u insistenza mill-Partit Nazzjonalista.

Therese Comodini Cachia
Therese Comodini Cachia

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Therese Comodini Cachia li wkoll saħqet li dak li seħħ is-Sibt kien “pass żgħir iżda sinifikanti” fil-konfront ta’ persuni f’karigi pubbliċi u viċin il-Gvern Laburista.

Insistiet li dan seħħ għax għadhom il-ġurnalisti li jfittxu u jżommu lill-Gvern kontabbli għal dak kollu li qed iseħħ.

“Robert Abela sal-lum għadu jipproteġi persuni maħtura f’entitajiet u karigi pubbliċi minkejja li l-ġurnalisti juru nuqqas ta’ governenza xierqa,” saħqet Comidini Cachia waqt li kkritikat membri tal-Kabinett li qed jipprovaw ixejnu wkoll rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jipproteġu lil Joseph Muscat. 

More in Politika