Malta tlaqqam aktar minn 86% tal-anzjani li għandhom 'il fuq minn 80 sena

Sa issa, 8.1% tal-popolazzjoni ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin u dan ipoġġi lil Malta fl-ewwel post fost il-pajjiżi kollha tal-UE

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li sa issa Malta laqqmet 86% tal-anzjani li għandhom 'il fuq minn 80 sena.

Appellaw ukoll biex persuni li għandhom aktar minn 80 sena, li huma mobbli u li jgħixu fi djarhom u li ma rċevewx l-ittra biex jieħdu l-vaċċin, għandhom iċemplu l-145 biex jingħatalhom appuntament.

Apparti minn hekk, skont l-informazzjoni ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, Malta tibqa' quddiem nett, qabel il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, fil-programm tat-tilqim.

Sa issa, 8.1% tal-popolazzjoni ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin.

Malta sa issa offriet il-vaċċin lill-anzjani kollha li għandhom 'il fuq minn 75 sena, lill-frontliners kollha mediċi u frontliners oħra bħall-Pulizija.

Il-vaċċin qed jingħata wkoll lill-persuni kollha vulnerabbli u anke lil dawk il-persuni li jaħdmu f'entitajiet li huma essenzjali.

Bħalissa qed ikompli t-tilqim tal-edukaturi u anke tal-istaff fl-iskejjel u l-anzjani li għandhomm 'il fuq minn 60 sena.

More in Politika