Tal-Maksar ipprovda karozza bħal ta' Daphne biex Degiorgio u l-Koħħu setgħu jitħarrġu kif jiftħuha

Is-Supretendent Keith Arnaud jgħid ukoll li Robert Agius ipprovda rifle li oriġinarjament kien se jintuża biex tinqatel Daphne

George Degiorgio: Wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne (Ritratt: MediaToday)
George Degiorgio: Wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne (Ritratt: MediaToday)

Robert Agius, magħruf bħala ‘Tal-Maksar’ kien akkwista vettura simili għal dik li kienet tuża Daphne Caruana Galizia biex l-irġiel li poġġew il-bomba setgħu jitħarrġu kif jifħtuha mingħajr ma jagħmlu ħsara li tidher.

Dan ħareġ fil-Qorti dalgħodu hekk kif is-Supretendent Keith Arnaud xehed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Agius, huh Adrian, Jamie Vella u George Degiorgio (magħruf bħala 'Iċ-Ċiniż'). Huma qed ikunu akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Robert Agius u Vella qed ikunu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista. Skont Arnaud din il-bomba kinet qed tinħażen f’garaxx fi Vjar Ragusa bejn il-Mosta u n-Naxxar.

Sigurtà stretta fil-Qorti għall-kumpilazzjoni
Sigurtà stretta fil-Qorti għall-kumpilazzjoni

Arnaud qed jixhed skont dak li Vince Muscat, ‘Il-Koħħu,’ qal lill-Pulizija wara li ammetta li kien involut fil-qtil tal-ġurnalista.

Is-Supretendent qal li Muscat spjega kif hu u l-aħwa Degiorgio kienu kapaċi jiftħu l-karozza malajr u jpoġġu l-bomba taħt is-seat tal-passiġġier. Dan wara karozza simili għal dik ta' Daphne li pprovda Robert Agius. 

Ġie spjegat ukoll li skont Muscat, il-15 ta’ Ottubru 2017 kienet l-ewwel darba li raw il-karozza ta’ Daphne pparkjata barra u mhux wara l-grada. Għalhekk kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-bomba titpoġġa dakinhar.

Din il-bomba, kif kien ġie żvelat xhur ilu, kienet attivata b’SMS. Fil-Qorti kien intqal li George Degiorgio kien fuq dgħajsa, ftit 'il barra mill-Port il-Kbir, meta bagħat l-SMS li attiva l-bomba.

Arnaud spjega kif is-SIM cards li intużaw biex tkun attivata l-bomba kienu mixtrija f’xi żmien madwar Novembru u Diċembru tal-2016. Fil-bidu tal-2017, intbagħat messaġġ bejniethom. X’aktarx li dan kien messaġġ li ntbagħad bħala prova biex ikun assigurat li jaħdmu.

Arnaud qal ukoll li Robert Agius ipprovda r-rifle li oriġinarjament kien se jintuża biex tinqatel Daphne.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli għada.

More in Politika