Fearne jixhed kif Steward kienu qed jinnegozjaw ma' Konrad Mizzi u Joseph Muscat minn wara dahru

Fearne tkellem dwar dan meta kien qed jixhed fil-każ li fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex ikun iddikjarat null il-ftehim tal-Gvern ma’ Vitals Global Healthcare

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li filwaqt li kienu qed jinnegozjaw mal-Ministeru għas-Saħħa, Steward Healthcare kienu qed jitkellmu wkoll, minn wara dahru, ma’ Konrad Mizzi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fearne tkellem dwar dan meta kien qed jixhed fil-każ li fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex ikun iddikjarat null il-ftehim tal-Gvern ma’ Vitals Global Healthcare u li eventwalment il-konċessjoni għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet għaddiet għand Steward Healthcare, wara li l-VGH fallew.

“Kienu qed isiru affarijiet li jien ma kontx naf bihom,” qal Fearne. Insista li dwar dan kien se jitkellem fil-laqgħa tal-kabinett ta’ Novembru 2019 biex jisħaq li n-negozjati kollha kellhom isiru mal-Ministeru tiegħu. Iżda dan ma seħħx għax Konrad Mizzi rriżenja fl-istess ġurnata.

Dak iż-żmien, Mizzi kien Ministru għat-Turiżmu iżda f’idu kellu Projects Malta. Fis-seduti li għaddew ġie żvelat kif din l-entità tal-Gvern, ħadet f’idha rwol ewlieni f'dan il-ftehim.

Fis-seduti li għaddew, ħareġ li l-Gvern kien iddeċieda li jidħol b’garanzija f’każ li l-Qorti tiddikjara dan il-ftehim null. Jekk dan iseħħ, il-Gvern irid iħallas lill-kumpanija €100 miljun.

Dwar dan kien hemm xhieda kontrastanti. Kemm Konrad Mizzi u anke l-eks Prim Ministru Joseph Muscat insistew li xejn ma sar bil-moħbi tal-Kabinett.

Fearne xehed illum li l-Kabinett kien jaf li l-Gvern se jkun qed jidħol għal garanzija ta’ self li Steward ħadu mill-Bank of Valletta iżda saħaq li ma kienx hemm diskussjoni fuq klawżoli individwali.

Insista wkoll li hu ma kellu l-ebda idea dwar memorandum of understanding li l-Gvern kien iffirma ma’ Vitals qabel ma kien ħareġ is-sejħa għall-konċessjoni.

More in Politika