'Se nibqgħu nipprotestaw, se nibqgħu niġġieldu, sakemm il-qarnita mafjuża tinqered għal kollox'

Il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina jistaqsi lill-PM kif qed jaħdmu l-istituzzjonijiet ma' nies bħal Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat

“Qegħdin nagħmlu din il-protesta għax lill-qarnita li telgħet fuq din l-art u ħakmitha rridu naqtgħulha subgħajha kollha. Il-qarnita li ħakmet lil-pajjiżna trid tinħeba. Trid tikkonvinċina li ma teżistix. Daħlet fil-fond tal-istituzzjonijiet. Għandha swaba’ kullimkien fil-Gvern, fil-Korp tal-Pulizija, fl-ekonomija, fl-Awtorità tal-Ippjanar, fil-professjonijiet, fil-midja, fil-partiti.” 

Hekk saħaq il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina, waqt protesta li saret illum quddiem il-binja tal-Parlament fil-Belt Valletta. Il-protesta ssejħet wara l-aħħar żviluppi fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li raw żewġ persuni oħra jitressqu l-Qorti akkużati li pprovdew il-bomba wara li wieħed mill-akkużati wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs.

Fid-diskors tiegħu, Aquilina saħaq li “min qalilna li l-mewġ qiegħed fil-baħar” qal ukoll li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.

“Kemm ilna nisimgħu din li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu? Smajniha meta Daphne bdiet tikteb fuq il-Panama Papers u lil Konrad Mizzi għamluh Deputy Leader tal-Labour Party. Erġajna smajnieha meta rajna lis-sid tal-Bank Pilatus jaħrab bil-bagalja waqt li l-Kummissarju tal-Pulizija kien qed imexmex il-fenek. Smajnieha meta Melvyn Theuma – is-sensar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – kien qed jieħu l-kafè ma’ Keith Schembri f’Kastilja, ħa ritratt miegħu u Kieth tah job fantażma. Qalulna li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu waqt li z-ziju Silvio jew Silvio l-oħxon – li suppost kien qed jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne – kien qed isiefer jara l-futbol ma’ dak li qed jiġi akkużat li huwa l-mastermind tal-assassinju. Smajnieha wkoll meta arrestaw lil dawk li qed ikunu akkużati – issa wieħed minnhom ammetta – li poġġew il-bomba. Imma nsew jgħidulna dakinhar li kienu nfurmawhom minn qabel li se jarrestawhom.” insista Aquilina.

Madanakollu, kompla jisħaq Aquilina, il-pajjiż għadu ma semax li tressaq xi ħadd il-Qorti biex issir ġustizzja għal dak li wassal għall-assassinju ta’ Daphne, fi kliemu, “il-korruzzjoni.”

Insista li l-korruzzjoni ma setgħetx issir mingħajr politiċi "korrotti" fl-ogħla karigi tal-pajjiż u istituzzjonijiet dgħajfa li minflok waqfulha, għalqu għajnejhom "marru jieklu l-fniek, marru jaraw iċ-Champions League u ħallew lil Daphne waħidha, sakemm qatluha b’karozza bomba.” 

Rosianne Cutajar l-aħħar sebgħa tal-qarnita

Robert Aquilina kompla jisħaq li kull tant żmien, il-pajjiż qed isir jaf li “din il-qarnita” għandha “sebgħa ġdid.” 

“L-aħħar sebgħa li sirna nafu bih hi Rosianne Cutajar. Qaltilna li irriżejat b’rispett tal-Labour, mhux b’rispett tagħna. Qaltilna li temporanja r-riżenja. Ħadet break. U qaltilna wkoll illi wara li arrestaw lil Yorgen Fenech qatat kull kuntatt miegħu. Ara wara li arrestaw lil Yorgen Fenech, kif setgħat iżżomm il-kuntatt miegħu!” insista Aquilina. “Imma kien hemm xi ħadd li meta kienu ser jarrestawh ċempillu lil Yorgen Fenech. Ċempillu Keith Schembri għax qabbdu Joseph Muscat.”

Kien hawn li saħaq li wieħed ma jistax ma jipprotestax u jsemmha leħnu meta jisma’ dawn l-istejjer. 

“Ħa nkunu ċari. Aħna rridu li l-istituzzjonijiet jingħataw kull mezz li jeħtieġu biex jaslu għall-verità kollha u għall-ġustizzja sħiħa. U meta ngħidu ġustizzja sħiħa m’aħniex qed nitkellmu biss dwar il-bomba li qatlet lil Daphne. Qed nitkellmu wkoll dwar dak li wassal biex tqiegħdet dik il-bomba. Qed nitkellmu wkoll dwar x’ġara wara li splodiet dik il-bomba. Qed nitkellmu dwar min ħa l-ġurament fil-Parlament u minflok qeda lill-poplu qeda lill-korrotti ... qeda lill-kriminali. Qed ngħidu għall-politiċi li minflok qdew dmirhom lejn ir-Repubblika, saru ħaġa waħda mal-qarnita mafjuża ... saru s-swaba ta’ dil-qarnita,” insista Aquilina.

Staqsa lill-Prim Ministru biex iwieġeb kif qed jaħdmu l-istituzzjonijiet ma’ nies bħal Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Brian Tonna, Karl Cini, Lawrence Cutajar, Silvio Valletta u ma’ Joseph Muscat.

“Se nibqgħu nipprotestaw, se nibqgħu niġġieldu, sakemm il-qarnita mafjuża tinqered għal kollox,” temm jgħid Aquilina.

More in Politika