Il-Ministru responsabbli għall-istrateġija għal wara l-Covid-19, Owen Bonnici saħaq li sal-aħħar ta' Ġunju, il-pajjiż se jkollu "roadmap" biex mhux biss imur lura għal kif kien qabel il-pandemija, imma saħansitra jkun f'pożizzjoni aħjar biex "ikabbar il-ġid u dan jitqassam b'ġustizzja."
Bonnici qal dan mal-ġurnalisti ftit qabel ma daħal għal laqgħa tal-kabinett li llum qed issir fil-Kwartieri tal-General Workers Union fil-Belt Valletta.
Mistoqsi jekk il-każi għolja tal-aħħar jiem ibiddlux din l-istrateġija li qed jaħdem fuqha, il-Ministru qal li l-Gvern qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jieħu ħsieb is-saħħa tan-nies, l-ekonomija u x-xogħol.
Appella lill-poplu biex tul dik li sejħilha bħala "l-aħħar fażi tal-pandemija" jikkopera mal-awtoritajiet sabiex kulħadd "jiġbed ħabel wieħed.