Il-PN dwar il-bidliet fil-kirjiet pre-1995: 'Ftit wisq, tard wisq u bżar fl-għajnejn qabel elezzjoni'

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li b'dak li ħabbar il-Prim Ministru dalgħodu dwar il-kirjiet qiegħed biss 'jipposponi għal min pej warajh'

Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa għall-bidliet li ħabbar il-Prim Ministru fir-rigward tal-kirjiet ta' qabel l-1995 dalgħodu u qal - permezz ta' stqarrija ffirmata mid-Deputat Ivan Bartolo - illi dawn il-bidliet huma "ftit wisq u tard wisq." 

"Dawn il-bidliet mhuma xejn ħlief bżar fl-għajnejn ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali u fl-aħjar sitwazzjoni se jkollhom l-effett li jipposponu l-problema għal min jiġi wara Robert Abela," qal Bartolo.

Intant il-Partit Laburista qal illi dak li ħabbar il-PM huwa "prova oħra ċara ta kemm Gvern Laburista, bil-fatti, jaġixxi fl-aqwa interessi tal-poplu ... issa eluf ta’ familji jistgħu jkomplu b’ħajjithom, rashom mistrieħa u b’aktar flus f’buthom."

Fl-istqarrija tiegħu iżda  Bartolo sostna li dak li ħabbar dalgħodu l-Prim Ministru se jkun qed jibgħat eluf ta' persuni quddiem il-Qrati ta' pajjiżna u jżid it-tensjoni bejn min jgħix fil-kera u s-sidien tal-propjetajiet mikrija qabel is-sena 1995. "Għalhekk huwa ċar li l-Gvern Laburista qed jagħżel li jibqa' indifferenti quddiem sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha eluf ta' familji Maltin u Għawdxin, partikolarmanet dawk anzjani, li qed jirriskjaw li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom."

 

Huwa qal ukoll li Gvern Laburista qed ukoll ikompli jinjora "l-karba ta' eluf ta' sidien li jixtiequ jgawdu l-proprjetà tagħhom kif għandhom dritt li jagħmlu."

Il-Partit Nazzjonalista temm jinsisti li l-Gvern huwa obbligat li jipprovdi akkomodazzjoni alternattiva lil min ikun jeħtieġlu filwaqt li jiżgura li l-liġijiet ta' pajjiżna joħolqu bilanċ ġust u dejjiemi bejn id-drittjiet tas-sidien u d-dritt ta' kull persuna li jkollha saqaf fuq rasha. 

More in Politika