AIMS: Awtorità ġdida biex tassigura l-integrità fl-Isports

L-impunità u l-korruzzjoni mhux fil-politika biss iseħħu, imma anke fl-Isports.  Għal dan il-għan is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ħabbar proċess ta' konsultazzjoni dwar awtorità li tiżgura l-integrità fl-isports ...

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima

L-Awtorità dwar il-Governanza Sportiva u l-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) se tkun il-punt ta' riferenza ċentrali l-ġdida li se jkun qed iwaqqaf il-Gvern biex jaċċerta li fil-qasam tal-Isports ukoll l-affarijiet isiru b'integrità u dan wara elenku ta' stejjer fl-aħħar snin, speċjalment dwar match fixing fil-logħba tal-futbol.  

Din l-awtorità li se tkun qed tgħaddi minn proċess ta' konsultazzjoni pubblika mmexxija mis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima se tkun qed tipproponi fost oħrajn, li jsiru aktar testijiet tad-droga (anti-doping tests) fuq atleti u sportivi differenti u li jinħoloq Unit għall-Integrità fl-Isports illi fuqu jkun hemm membri minn SportsMalta, mill-Korp tal-Pulizija, l-Awtorità Maltija tal-Gaming u l-Kumitat Olimpiku Malti.  L-għanijiet diversi ta' din l-awtorità, fost oħrajn, se jkunu l-bżonn li tingħata lura l-kredibilità lil ċerti dixxiplini li ħadu daqqa fir-reputazzjoni minħabba stejjer dwar match fixing u doping, kif ukoll it-trasparenza.  L-Awtorità se tkun tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex tiżgura li kulħadd fl-isport huwa konformi mal-liġi, filwaqt illi l-edukazzjoni wkoll se jkun objettiv ieħor importanti għal AIMS. 

Fost il-proposti li qed iressaq 'il quddiem is-Segretarju Parlamentari Grima hemm dik illi kull għaqda sportiva f'Malta tingħata ċertifikat ta' integrità u li dan joħroġ darba fis-sena.  Biex jieħdu dan iċ-ċertifikat l-assoċjazzjonijiet jkunu jeħtieġu jżommu ma ċerti standards operattivi u edukazzjonali f'dak li jirrigwarda amministrazzjoni, anti-doping, match-fixing u governanza tajba. 
Organizzazzjonijiet li jfallu milli jinħarġilhom dan iċ-ċertifikat jew inkella li jkollhom iċ-ċertifikat tagħhom meħud ma jkunux eliġibbli għal fondi tal-Gvern. 

Finalment AIMS se tkun ukoll l-awtorità ċentrali li tiskrutinizza l-uffiċjali li jikkontrollaw id-doping u dawk li jittestjaw id-demm biex jaraw l-isportiv ikunx ħa droga.  Trid tassigura wkoll li l-federazzjonijiet kollha sportivi jkollhom mekkaniżmi sabiex jipprevjenu, jinvestigaw, jirrapportaw jew inkella jipproċedu kontra każi ta' xiri ta' logħob. 

AIMS se jkollha l-irwol ukoll li toħloq kodiċi ta' etika għall-atleti, kowċis u uffiċjali oħrajn. 

More in Politika