'Għalfejn dan id-dewmien kollu? Aħna ħsara fil-pulmun saritilna ta!' Eks Ħaddiem tat-Tarzna

Carmel Formosa, eks ħaddiem tat-Tarzna jgħid li minkejja deċiżjonijiet fil-Qrati, wegħda fl-aħħar Baġit u għajnuniet lil diversi setturi tal-popolazzjoni, tat-Tarzna għadhom fil-għama dwar kumpens għall-mard li ħoloq l-asbestos ...

Eks ħaddiema tat-Tarzna jilmentaw mal-ILLUM
Eks ħaddiema tat-Tarzna jilmentaw mal-ILLUM

"Għalfejn dan id-dewmien kollu?  Sibna flus għal kulħadd, għaliex għadna ma ħadnix dak li huwa tagħna?"  Hekk sostna eks ħaddiema tat-Tarzna mal-gazzetta ILLUM, Carmel Formosa, wieħed minn madwar 300 ħaddiem li għadhom qed jistennew kumpens mingħand il-Gvern minħabba l-mard li kkawża l-asbestos fit-Tarzna meta sa madwar 12-il sena ilu kienet għadha f'idejn il-Gvern. 

Fl-aħħar Baġit il-Gvern kien wiegħed illi se jibda jgħaddi din l-għajnuna wara li l-Qorti Ewropea Għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2014 kienet sabet illi l-Gvern kiser id-dritt tal-ħajja u d-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, meta falla milli jieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà ta' 21 eks ħaddiem tat-Tarzna li għal ħafna snin kienu esposti għall-asbestos.  Fid-deċiżjoni tagħha il-Qorti Ewropea ordnat li l-Gvern iħallas €226,000 f'kumpens lil dawn il-21 persuna - li kollha sofrew minn kundizzjonijet u li wieħed minnhom saħansitra miet minħabba kanċer relatat mal-asbestos.  Iktar riċenti, f'Jannar tal-2019, il-Qorti Maltija wkoll ordnat li 17-il ħaddiem ieħor tat-tarzna jingħataw kumpens. 

Dan wassal biex fl-aħħar Baġit il-Gvern ħabbar li l-ħaddiema tat-Tarzna se jkunu ikkumpensati fi skema, ladarba jkollu l-informazzjoni kollha relevanti biex jgħaddi dawn il-flus. 

"Minn Ottubru 'l hawn ftit li xejn smajna fejn waslu l-affarijiet ħlief li kellhom isiru xi verifiki.  Dan suppost li beda jsir ħafna qabel ma tħabbar il-Baġit għax il-Gvern kellu f’idejh numru ta’ ċertifikati medici," sostna Formosa mal-ILLUM.

Huwa qal illi ħafna pensjonanti li mardu minħabba l-asbestos illum għandhom bejn 70 u 80 sena, jew aktar.  "Ironika li kważi kull gimgħa il-Gvern iħabbar għajnuna lill-għaqdiet volontarji, sportivi, każini u aħna xejn," sostna rrabjat ma' din il-gazzetta. 

"Dawn l-eks ħaddiema tat-Tarzna ħsara rreparabbli fil-pulmun saritilhom ta, mhux fl-ucuħ tar-raba’.  Dawk il-ħaddiema li l-Gvern diġà kkumpensa, ingħataw għajnuna jew kumpens b’sens ta’ rieda tajba, imma l-eks ħaddiema tat-Tarzna qed jistennew ġustiżżja għax għandhom dritt legali u għax il-Gvern kien naqas li jipprovdi dak kollu meħtieg biex jiġu protetti mill-asbestos, ladarba hu kien responsabbli mit-Tarżna," kompla jgħid dan l-eks ħaddiem.

Huwa appella biex il-Gvern jagħraf malajr kemm jista' jkun x'inhi l-priorità u jieħu kunsiderazzjoni tal-fatt li ħafna eks ħaddiema tat-Tarzna ma jifilħux jistennew minħabba l-età.  "Dan fuq ftit mijiet ta' ħaddiema qed nitkellmu ta," sostna Formosa mal-ILLUM. 

Huwa talab biex tal-inqas jiġu infurmati bil-proċess, filwaqt li rringrazzja lil Mario Ghirxi għall-għajnuna li qed jagħti f'dan il-proċess. 

 

More in Politika