Repubblika ssejjaħ protesta quddiem il-Parlament u tisħaq li għad fadal ħafna biex issir ġustizzja sħiħa

Il-protesta se ssir nhar it-Tnejn l-1 ta' Marzu

L-organizzazzjoni Repubblika qed issejjaħ protesta li se ssir nhar it-Tnejn l-1 ta' Marzu fil-5pm quddiem il-Parlament biex iġġedded is-sejħa tagħha għal ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, familtha u mal-pajjiż kollu

"Aħna tassew irrabjati naraw lill-Prim Ministru Robert Abela jgħaġġel biex jagħlaq dan il-każ li għadu miftuħ billi juża l-ammissjoni ta’ wieħed mill-assassini li qatlu lil Daphne bħala xi prova li l-Istat wettaq dmiru," insistiet l-organizzazzjoni.

Repubblika saħqet li l-kummenti tal-Prim Minstru qed jintużaw biex inessu l-impunità li għadhom igawdu l-politiċi "għall-korruzzjoni li wettqu u li gawdew mill-qtil ta’ ġurnalista li kienet assassinata għax kixfithom."
 
"Il-gvern għadu jinsisti, kif ilu jagħmel minn dakinhar tal-qtil, li kollox jista’ jieqaf meta jinqabdu l-assassini. Iżda l-konfoffa biex tinqatel Daphne saret għall-profitt tal-qarnita mafjuża li ħatfet lill-pajjiżna," saħqet Repubblika.

Fakkru li ma sar xejn dwar il-kuntratt tal-Electrogas u dwar il-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi u r-rabta tagħhom ma' 17 Black.

Insistiet li lanqas ma sar xejn dwar il-fatt li Joseph Muscat kellu relazzjoni ma’ Yorgen Fenech meta kien jaf li kien suspettat li qatel lil Daphne Caruana Galizia u anke dwar il-fatt li kien hemm min qed jgħaddi informazzjoni fosthom dwar l-investigazzjoni u l-arresti li kellhom isiru b'rabta mal-każ.

"Ma ttieħdet ebda azzjoni dwar dak li qal ix-xhud tal-Istat li Lawrence Cutajar, minn wara dar il-pulizija li jaħdmu taħtu, indaħal biex jaħtaf l-evidenza kontra l-akkużat ewlieni," komplew. "Ma ttieħdet ebda azzjoni dwar l-attentat ta’ Keith Schembri, bl-għajnuna ta’ Adrian Vella biex jipperswadi lil Yorgen Fenech iweħħel fi Chris Cardona għall-qtil."
 
Insistew li kien ukoll Robert Abela li pprova jagħlaq qabel żmienha l-inkjesta pubblika dwar fejn falla u qed ifalli l-Istat. 
 
"Wasalna fejn wasalna bl-isforz kostanti ta’ soċjetà ċivili determinata li jerbaħ is-sewwa u bl-impenn ta’ ġurnalisti li tinkixef il-verità. Sal-lum il-pandemija żammitna fi djarna iżda naqraw li l-Pulizija iddeċidiet li tippermetti protesti pubbliċi. Hu għalhekk li naħtfu l-ewwel okkażjoni u nhar it-Tnejn niltaqgħu quddiem il-Parlament biex infakkru lid-Deputati d-determinazzjoni tagħna li niġġieldu l-qarnita li ħatfet lil Malta," insitiet Repubblika.
 
Talbu lil dawn li sejrin l-protesta biex jieħdu l-prekawzjonijiet kontra t-tixrid tal-covid u jżommu d-distanza.

More in Politika