Cardona jiċħad li kien wara pjan biex tinqatel Daphne fl-2015

Kien Vince Muscat il-Koħħu li allegatament implika lil Chris Cardona hekk kif żvela mal-Pulizija pjan ieħor biex tinqatel Daphne fl-2015

L-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona kien implikat minn Vince Muscat, il-Koħħu, fi pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia fl-2015, liema pjan qatt ma seħħ u anke li kellu rabta mal-irġiel akkużati bil-qtil.

Cardona ċaħad kategorikament dawn l-allegazzjonijiet li Muscat qal mal-Pulizija hekk kif fl-aħħar jiem wieġeb ħati għall-assassinju u qed jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet. 

It-Times of Malta qed tirrapporta li Muscat qal lill-Pulizija li Cardona kien avviċina lill-aħwa Degiorgio (akkużati bil-qtil) fl-2015 u saħansitra kienu qablu fuq il-prezz ta' €150,000 biex tinqatel Daphne.

Madanakollu, il-Pulizija qed jieħdu dawn l-allegazzjonijiet b'kawtela anke għax Vince Muscat qed jibbaża dan fuq dak li qalulu l-aħwa Degiorgio.

Jidher li Muscat qed jinsisti li kien George Degiorgio li qallu dan kollu u li l-pjan sfaxxa fix-xejn meta Cardona, jew l-intermedjajru tiegħu, ma kinux għaddew il-flus.

Vince Muscat (Il-Koħħu)
Vince Muscat (Il-Koħħu)

F'kummenti mal-ġurnal, Chris Cardona ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u qal hekk:

"Dawn (l-allegazzjonijiet) huma ppjanti tant ħażin minn min irid jikkonvinċi lil ħaddieħor li huma veri, l-istess kif kien fittizju l-artiklu ta' Daphne dwar il-burdell f'Jannar 2021 ... u allura wieħed għandu jistaqsu: x'kien il-motiv għaliex jien kellu nkun il-mandant ta' reat daqshekk gravi sentejn qabel il-pubblikazzjoni ta' dan l-artiklu?"

Fi żmien li qed ikun implikat, Cardona kien qed jiffaċċja pressjoni biex jiċħad allegazzjonijiet li għamlet Daphne li hu kien qed joqgħod b'xejn f'appartament f'Portomaso, li s-sid tiegħu huwa Silvan Fenech, qarib ta' Yorgen Fenech.

Implikat ukoll fl-assassinju li seħħ fl-2017

Vince Muscat qal ukoll lill-Pulizija li hu kien ħa lil Alfred Degiorgio diversi drabi l-Belt Valletta. Skont Degiorgio kien ikollu laqgħat mal-Ministru. Madanakollu jidher li Muscat qal li hu ra lil Degiorgio dieħel il-ministeru darba biss.

Skont il-Koħħu, Degiorgio kien imur għand il-Ministru biex jgħinu jitraċċa l-passi ta' Daphne.

Cardona ċaħad dan ukoll b'mod kategoriku.

Mhux l-ewwel darba li ssemma

Ta' min ifakkar li Chris Cardona kien interrogat wara l-arrest ta' Yorgen Fenech. Dan wara ittra li waslet għand Yorgen Fenech (meta kien fuq police bail) u li skont l-istess Fenech kien bagħtilu Keith Schembri, jiggwidah biex jitfa' l-ħtija fuq Cardona.

Allegatament, Schembri uża lit-tabib Adrian Vella biex jgħaddi din l-ittra lil Fenech.

Vella kien ammetta fil-Qorti li Schembri kien tah xi karti biex jgħaddihom lil Fenech anke jekk qal li ma kienx jaf il-kontenut.

Is-sena li għaddiet ukoll, Melvin Theuma (l-intermedjarju) kien qal fil-Qorti li l-aħwa Degiorgio kienu mwissija li jekk jikxfu l-irwol ta' Cardona fl-assassinju, kienu se joqtluhom.

Skont Theuma, kien Mario Degiorgio, ħu Alfred u George Degiorgio li qallu dan wara messaġġ li kien wasal għandhom mingħand David Gatt, avukat li kien jaħdem mal-kumpanija legali ta' Cardona.

Ta' min ifakkar ukoll li tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza, Melvin Theuma kien xehed li Yorgen Fenech kien qallu li fil-baħar ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa, fejn ġew arrestati l-irġiel akkużati bl-assassinju, kien instab mowbajl u li dan kien ta' George Degiorgio u li fuqu kien hemm biss in-numru ta' Chris Cardona.

L-aħbar ippubblikata llum mit-Times of Malta hi xokkanti u tkompli tikkonferma kemm l-investigazzjonijiet dwar il-qtil...

Posted by Bernard Grech on Thursday, 25 February 2021

'Konferma kemm l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta' Daphne baqgħalhom ħafna x'jistabbilixxu'

Intant, f'reazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva l-aħbar bħala waħda xokkanti u li tkompli tikkonferma kemm l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia għad baqgħalhom ħafna x'jistabbilixxu.

"L-istorja tal-lum turina wkoll kemm hu irresponsabbli li Robert Abela jipprova jindaħal jew jirkeb fuq dawn l-investigazzjonijiet meta hu jmexxi estensjoni tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat, li hu wkoll kien parti minnu," saħaq Grech.

Kiteb li jekk dawn l-allegazzjonijiet huma minnhom jikkonfermaw il-kumdità u l-familjarità bejn il-Gvern Laburista u l-kriminalità organizzata.

"Ma jħallu ebda dubju li dak li pajjiżna jinsab fih illum hu tort ta' dawk kollha li kienu parti minn dan il-Gvern u li ħallew li pajjiżna jinħataf minn min jinteressah biss mill-poter u l-flus, mhux mill-ġid komuni. L-istituzzjonijiet ta' pajjiżna mhux talli ma ħadmux imma talli kienu mmexxija minn min kien qrib il-kriminali li fixklu kemm felħu biex jipproteġu lilhom infushom," insista Grech.

Kompla jgħid li l-episodji tal-aħħar jiem huma biss pass ieħor 'il quddiem biex issir ġustizzja sħiħa f'dan il-każ.

"Dan il-każ jingħalaq meta ssir ġustizzja ma' kull min kien involut fid-delitt u l-ostruzzjoni tal-ġustizzja jew fit-tentattivi ta' cover-up. Iktar minn qatt qabel pajjiżna għandu bżonn paġna ġdida mill-aktar fis," temm jgħid il-Kap Nazzjonalista.

More in Politika