'Il-ħajja tal-anzjani hija ħafna aktar importanti mill-populiżmu u d-defiċit' - It-tobba jwissu

L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba f’Malta ħeġġet lill-Gvern biex jieħu miżuri aktar effettivi

L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba f’Malta ħeġġet lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ każi għolja tal-Covid-19.

Fi stqarrija, il-MAM saħqet li l-ħajja tal-anzjani hija ħafna aktar important mill-populiżmu u d-defiċit.

It-tobba qalu li huma mħassba dwar il-każi li qed jiżdiedu u saħqu li riżultat ta’ dan, it-taqsima tal-kura intensiva ta’ Mater Dei dalwaqt mhux se tkun qed tlaħħaq.

Fil-fatt qalu li hemm ċans li llum tiftaħ ukoll l-aħħar taqsima tal-kura intensiva li żdiedet fl-aħħar xhur biex tkun tista’ tlaħħaq mal-pazjenti.

It-tobba insistew li l-miżuri li tħabbru qabel il-Karnival saru għalxejn għax il-każi komplew jiżdiedu.

“Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbilità tal-falliment tiegħu u jieħu miżuri aktar effettivi,” saħqet l-istqarrija.

Il-MAM insistiet li ż-żieda fil-ħinijiet li matulhom jistgħu joperaw ir-ristoranti u anke t-tneħħija tal-perspex fid-djar tal-anzjani huma biss deċiżjonijiet politiċi, iggwidati mill-populiżmu.

It-tobba rrikonoxxew li t-tilqim miexi b’rata tajba ħafna iżda fakkru li hemm eluf ta’ persuni li għandhom bejn 60 u 80 sena u li għadhom ma ħadux il-vaċċin.

Saħansitra qalu li huma infurmati li hemm sensiela ta’ każi u erbat imwiet li seħħew f’dar waħda tal-Gvern minn meta beda t-tilqim.

“Filwaqt li vaċċin huwa effettiv ħafna dan mhuwiex 100% garanzija kontra l-Covid-19, speċjalment meta l-imxija fil-komunità hija qawwija,” insistiet l-Assoċjazzjoni.

Saħqu li jekk se jibqgħu jsiru attivitajiet soċjali, l-anzjani jdumu ma jingħataw it-tilqim għax qed jaqbżuhom gruppi oħra u t-tneħħija tal-perspex fid-djar tal-anzjani se jwasslu biss biex is-sitwazzjoni tiggrava.

More in Politika