Ritratti | Lejla mimlija żviluppli; Dak li seħħ ilbieraħ pass pass

Progress importanti fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015

Ilbieraħ ħadu żvolta żewġ każijiet importanti li l-Pulizija għandha quddiemha, jiġifieri kemm dak dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li heżżeż pajjiż u anke l-omiċidju tal-avukat Carmel Chircop li seħħ f'Ottubru 2015.

Kollox beda din il-ġimgħa meta sar patteġġjament ma' Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu. Huwa wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs. Ingħata wkoll il-maħfra Presidenzjali dwar il-każ tal-Avukat Carmel Chircop bil-għan li hu jikxef lil dawk kollha involuti, fost oħrajn.

Fil-fatt, nhar it-Tlieta, ġew arrestati tliet persuni, fosthom l-aħwa Robert u Adrian Agius, Tal-Maskar u Jamie Valle. lbieraħ, magħhom, tressaq ukoll George Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia

Dan huwa dak li seħħ pass pass

Il-Kummissarju tal-Pulizija jsejjeħ konferenza tal-aħbariijet u fiha jagħti dawn id-dettalji;

  • Jgħid li kull persuna fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, mill-mandant sa min wettaq id-delitt issa huma arrestati
  • Jgħid li sa issa ma jirriżultax li hemm politiċi jew eks politiċi involuti fil-każ ta' Caruana Galizia jew ta' Carmel Chircop
  • Fl-aħħar jiem il-Pulizija kkonfiskat karozzi, €70,000, armi tan-nar, 25 mowbajl u żewġ laptops minn żewġ residenzi
  • Għaxar karozzi oħra nstabu f'residenza u mistennija jkunu kkonfiskati wkoll
  • Wieħed mill-akkużati, Jamie Vella, huwa pożittiv għal Covid-19 iżda nġabet dispensa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci biex ikun jista' xorta waħda jitressaq il-Qorti jekk jiġu segwiti protokolli ċari u stretti

Il-Qorti tiftaħ tard filgħaxija taħt sigurtà stretta ħafna

  • Adrian Agius kien akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Carmel Chircop
  • Jamie Vella u George Degiorgio kienu akkużati li wettqu l-qtil tal-Avukat Chircop
  • Jamie Vella u Robert Agius (ħu Adrian) ġew akkużati wkoll bil-qtil ta' Caruana Galizia għax allegatament kienu huma li pprovdew il-bomba
  • L-aħwa Agius u Vella wieġbu mhux ħatja
  • George Degiorgio għażel li ma jitkellimx
  • Kollha kemm huma jinżammu arrestati

More in Politika