F'diskussjoni rigward l-abort organizzata mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni u l-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Kummisarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli fetħet billi insistiet li "nisa madwar l-UE għandu jkollhom aċċess ugwali għal saħħa u trattament ta' kwalità tajba".
Helena Dalli tkellmet fuq kif nisa li huma affettwati minn leġiżlazzjoni kontra l-abort xorta ħa jkollhom bżonn l-abort, anke jekk hu illegali. "Dan jaf iwassal għal proċeduri illegali li jaf jġib riskji kbar fuq il-ħajja tal-mara". Skont hi nisa b'diżabilitajiet, nisa bi problemi finanzjarji u immigranti nisa huma fost dawk li huma l-iktar vulnerabbli f'sitwazzjonijiet bħal dawn u m'għandhomx fejn iduru għall-għajnuna.
Intant Dalli fakkret li l-Kummissjoni Ewropea mhijiex legalment kompetenti biex timponi liġijiet tal-abort, madankollu hi kompliet billi fakkret l-Istati Membri bid-dmir tagħhom li jirrispettaw d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jorbtuhom bis-saħħa tal-kostituzzjonijiet u l-liġi internazzjonali.
Id-diskussjoni li seħħet f'Brussell kienet organizzata bil-ħsieb li jiġi diskuss l-impatt ta' miżuri u attakki fuq is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa b'aċċenn partikolari fuq il-Polonja.