'Inaċċettabbli li edukaturi u frontliners Għawdxin qed jintalbu jieħdu l-vaċċin Malta' - PN

Chris Said insista wkoll li r-ritmu tat-tilqim f'Għawdex miexi bilmod wisq

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa inaċċettabbli li diversi Għawdxin irċevew avviż biex jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19 f’Malta.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, qal li fl-aħħar jiem, għalliema, LSE's, pulizija, suldati u diversi ​frontliners oħrajn Għawdxin irċevew avviż biex imorru Malta jieħdu l-vaċċin. 

Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet diversi persuni vulnerabbli Għawdxin, fosthom anzjani, ntalbu biex imorru jieħdu l-vaċċin f’Malta. Madanakollu, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci kienet qaltilhom biex jinjoraw din l-ittra u jistennew appuntament ieħor.

AKTAR DAĦQ FIL-WIĊĊ - TEACHERS U LSEs GĦAWDXIN SER JITLAQQMU F’MALTA Jidher li l-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-Gvern ma...

Posted by Chris Said on Monday, 22 February 2021

"L-Oppożizzjoni ssostni li kull Għawdxi għandu jkollu l-opportunità li jingħata l-vaċċin f'Għawdex stess. Għalhekk qed isir appell biex immedjatament ma jinħarġux iżjed avviżi biex Għawdxin jieħdu l-vaċċin f’Malta u dawk li diġà għandhom l-avviż jingħataw appuntament f’Għawdex," insista Said.

Appella wkoll biex jiżdied ir-ritmu li bih qed jingħata l-vaċċin f’Għawdex.

"Jidher li l-ammonti li qed jingħataw f’Għawdex huma baxxi ħafna u jistgħu jingħataw ferm iżjed. Għandhom jiżdiedu wkoll il-postijiet minfejn jingħata l-vaċċin f’Għawdex għaliex s’issa hemm biss il-klinika tar-Rabat u l-berġa ta' Kercem," temm jisħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni.

More in Politika