Mhux kif inkunu aħna imma kif ikun ħaddieħor! It-tilqim fl-aktar swieq importanti għal Malta

Fejn jidħol il-vaċċin, Malta qed tiġri bil-pajjiżi Ewropej. Madanakollu jibqa’ l-fatt li mhux kollox jiddependi minnha. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-andament tat-tilqim fl-aktar pajjiżi importanti għas-settur tat-turiżmu f’Malta...

Il-vaċċin kontra l-Covid-19 jinsab fuq fomm kulħadd u bir-raġun għax huwa l-uniku tama li għandna biex xi darba ngħidu li din l-imbierka pandemija għaddiet u hija passat. 

Kulħadd jaf li s-settur tat-turiżmu huwa kruċjali għal Malta u kulħadd jaf ukoll li dan kien l-aktar settur milqut ħażin minħabba l-pandemija. Għalhekk huwa importanti li dan is-settur jirkupra malajr kemm jista’ jkun, iżda jibqa’ l-fatt li dan lanqas ma jiddependi kompletament mill-Maltin.

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn il-progress, fl-għoti tal-vaċċin, f’dawk il-pajjiżi li l-aktar huma kruċjali għat-turiżmu f’Malta, jiġifieri r-Renju Unit, l-Italja, Spanja, il-Ġermanja u Franza.

Malta fuq quddiem fil-programm tat-tilqim...

Il-programm tat-tilqim kontra l-Covid-19 f’Malta huwa l-aktar wieħed avvanzat fl-Ewropa meta wieħed jieħu l-persentaġġ tal-popolazzjoni li rċieviet iż-żewġ dożi tal-vaċċin.

Fil-fatt, Malta tat iż-żewġ dożi tal-vaċċin lil madwar 3.5% tal-popolazzjoni. Dan huwa l-akbar persentaġġ fost il-pajjiżi l-oħra Ewropej. Biex tintlaħaq dik li qed tissejjaħ ‘herd immunity,’ hemm bżonn li titlaqqam 70% tal-popolazzjoni. Il-mira hija li din tintlaħaq sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.

Jekk wieħed jieħu wkoll l-għadd ta’ dożi amministrati għal kull 100 persuna, Malta tista’ tgħid li qed tiġri bil-pajjiżi l-oħra Ewropej.

Skont l-informazzjoni ppubblikata minn Our World in Data, sal-Ħadd li għadda, ħdax-il persuna minn kull 100 f’Malta ħadu jew bdew jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19. 

Il-mira f’Malta hija li sa Mejju jkunu tlaqqmu l-frontliners kollha, kemm dawk mediċi u anke dawk li mhumiex bħall-pulizija u s-suldati, l-anzjani kollha li għandhom minn 70 sena ‘l fuq, il-persuni vulnerabbli (fosthom dawk li jbatu minn mard kroniku) u anke l-għalliema u l-istaff li jaħdmu fl-iskejjel. 

Fil-fatt sa issa ġa tlaqqmu dawk li għandhom ‘il fuq minn 85 sena u qed jitlaqqmu wkoll dawk li għandhom bejn 80 u 84 sena. Il-vaċċin ġie amministrat ukoll fid-djar tal-anzjani, kemm lir-residenti u anke lill-istaff.

Tlaqqmu wkoll il-frontliners mediċi u dawk li jaħdmu fl-isptarijiet u bħalissa għaddej ukoll it-tilqim tal-ispiżjara u dawk li jaħdmu fl-ispiżeriji fil-komunità. 

Skont il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, 91% tal-frontliners mediċi aċċettaw u fil-fatt ħadu l-vaċċin tal-Covid-19.

Bħalissa qed jitlaqqmu wkoll il-frontliners mhux mediċi, fosthom il-pulizija, is-suldati u l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u anke dawk li jgħixu f’istituzzjonijiet, inkluż persuni b’diżabbilità.

Persuni li huma meqjusa vulnerabbli, għax fost oħrajn ibatu minn mard kroniku u li jammontaw għal madwar 25,000 persuna, bħalissa qed jirċievu l-appuntamenti u bdew ukoll jieħdu l-vaċċin. 

L-Italja: Amministrati aktar minn 3 miljun doża ... xettiċiżmu dwar il-herd immunity

Safra sal-Italja l-Maltin iħobbuha u t-Taljani wkoll iħobbu jiġu Malta biex iqattgħu erbat ijiem għal kwiet. Kulħadd jaf li l-Covid-19 niżżel lill-Italja għarkuptejha, partikolarment fl-ewwel xhur tas-sena li għaddiet.

Bħall-bqija tal-Ewropa, anke l-Italja bdiet il-programm tat-tilqim tagħha nhar is-27 ta’ Diċembru. Minn dakinhar fl-Italja ġew amministrati madwar tliet miljun doża tal-vaċċin. Jidhru ħafna, imma l-Italja għandha popolazzjoni ta’ madwar 60 miljun persuna.

Terġa’ u tgħid minn dawn, kienu 1.3 miljun li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin. Dan ifisser li 2.1% tal-popolazzjoni fl-Italja ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin. Dan ipoġġi lill-Italja fis-sitt post fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Jekk wieħed iħares lejn ir-reġjuni, l-akbar ammont ta’ dożi tal-vaċċin ġew amministrati fil-Lombardija. Dan huwa l-aktar reġjun Taljan li fih jgħixu nies u r-reġjun li kellu l-akbar ammont ta’ każi ta’ Covid-19.

F’dan ir-reġjun, li fih fost oħrajn hemm il-Belt tant popolari ta’ Milan, jgħixu madwar 10 miljun persuna. Sa issa ġew amministrati 508,000 dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

Fi Sqallija, li hija popolari ħafna mal-Maltin, ġew amministrati 229,948 doża tal-vaċċin. Fi Sqallija jgħixu madwar ħames miljun persuna. 

Anke l-Italja qed tippjana li tilħaq l-immunità tal-popolazzjoni bejn Settembru u Ottubru, għalkemm dwar dan hemm ukoll xi ftit jew wisq tax-xettiċiżmu. Ftit tal-jiem ilu, rapport fuq is-sit tal-aħbariijet popolari Taljan Ansa, kien jikkwota analiżi li saret mill-Fondazzjoni David Hume, li saħansitra kkonkludiet li jekk l-andament tat-tilqim fl-Italja mhux se jkun aċċellerat, l-immunità mhux se tintlaħaq qabel l-2023.

Fl-Italja kienu rreġistrati aktar minn 2.7 miljun każ ta’ Covid-19. Aktar minn 93,000 tilfu ħajjithom.

Bejn Jannar u Diċembru 2019, waslu f’Malta 392,955 turist Taljan. 

Renju Unit: Jiġru bl-ewwel doża iżda għadhom lura mmens bit-tieni

Ir-Renju Unit, partikolarment l-Ingilterra, jibqa’ d-destinazzjoni l-aktar popolari mal-Maltin u għas-settur tat-Turiżmu Malti t-turisiti Ingliżi huma essenzjali. 

Jekk wieħed iħares lejn l-andament tat-tilqim fir-Renju Unit, mal-ewwel daqqa t’għajn jaħseb li qed jiġru b’kulħadd, hekk kif sa issa madwar 16-il miljun persuna ngħataw l-ewwel doża tal-vaċċin. Ir-Renju Unit għandu popolazzjoni ta’ madwar 67 miljun.

Dan ifisser li ntlaħqet il-mira tal-Gvern Ingliż li malajr kemm jista’ jkun jipprovdi l-ewwel doża liċ-ċitaddini vulnerabbli kollha, inkluż l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 75 sena, il-frontliners mediċi u anke dawk li jaħdmu mal-anzjani.

Jekk wieħed jaqleb dan l-ammont f’persentaġġ, ifisser li 22% tal-popolazzjoni fir-Renju Unit ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

Tajjeb ħafna! Imma mhux l-istess jista’ jingħad meta wieħed iħares lejn il-persentaġġ ta’ ċittadini li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin u għalhekk kisbu l-immunità sħiħa kontra l-virus. Fil-fatt, sa issa, 0.8% taċ-ċittadini tar-Renju Unit (530,000) ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin, persentaġġ li jpoġġih fost l-agħar fil-lista tal-pajjiżi Ewropej.

It-tieni doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 fir-Renju Unit qed tingħata wara tnax-il ġimgħa mill-ewwel waħda.

Ta’ min ifakkar ukoll li r-Renju Unit kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li approva u beda jamministra vaċċin kontra l-Covid-19. Fil-fatt, ir-Renju Unit ta l-ewwel dożi fit-8 ta’ Diċembru.

It-tir tar-Renju Unit huwa li jlaqqam lil dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 50 sena sa April.

Bħalissa, l-Ingilterra tinsab taħt it-tielet lockdown nazzjonali u qed tiżdied il-pressjoni biex il-Gvern jagħti indikazzjoni meta dan se jintemm. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson mistenni jħabbar il-pjan tiegħu nhar it-22 ta’ Frar. 

Ir-Renju Unit ordna 407 miljun doża tal-vaċċin mingħand seba’ kumpaniji. Sa issa, fir-Renju Unit qed jingħata l-vaċċin ta’ BioNTech/Pfizer, Moderna u AstraZeneca/Oxford.

Bid-dożi ta’ AstraZeneca/Oxford u ta’ Pfizer, ir-Renju Unit għandu biżżejjed biex ilaqqam il-popolazzjoni kollha.

Fir-Renju Unit kienu rreġistrati aktar minn erba’ miljun każ ta’ Covid-19. Aktar minn 117,000 tilfu ħajjithom.

Bejn Jannar u Diċembru 2019, waslu f’Malta 649,642 turist mir-Renju Unit

Ġermanja: Merkel stess tgħid li l-proċess tat-tilqim huwa ‘diżappuntanti’

It-tilqim fil-Ġermanja mhuwiex miexi kif mixtieq u rrikonoxxiet dan anke l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel li din il-ġimgħa qalet ċar u tond li sa issa l-proċess kien “diżappuntanti.”

Il-Ġermanja bdiet tlaqqam il-popolazzjoni tagħha mal-bqija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri nhar is-27 ta’ Diċembru. Minn dakinhar, il-Ġermanja amministrat aktar minn erba’ miljun doża.

Madanakollu 1.7% tal-popolazzjoni Ġermaniża ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin u dan ipoġġi lill-Ġermanja fit-12-il post fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-mira tal-Ġermanja hija li sal-Għid, jiġifieri sal-bidu ta’ April, tkun laqqmet lill-frontliners, lill-anzjani minn 70 sena ‘l fuq u lill-persuni l-oħra li huma l-aktar vulnerabbli għall-virus.

Il-Ġermanja ħejjiet diversi ċentri għat-tilqim, inkluż fi swali tal-wirjiet u anke f’ċentri sportivi, iżda sa issa dawn ftit li xejn raw persuni, hekk kif ħafna mid-dożi li waslu qed jiġu amministrati lill-anzjani fid-djar tal-anzjani u lill-pazjenti fl-isptarijiet.

Madanakollu Merkel qed twiegħed li sal-aħħar ta’ Marzu, dawn iċ-ċentri se jkunu qed joperaw fil-kapaċitàmassima tagħhom.

Anke l-Ġermanja bħalissa tinsab taħt lockdown strett. Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, il-Gvern u s-16-il Gvernatur tal-pajjiż qablu li jestendu l-lockdown sas-7 ta’ Marzu, anke jekk il-ħwienet tax-xagħar u l-iskejjel mistennija jiftħu qabel.

Fil-Ġermanja kienu rreġistrati aktar minn 2.3 miljun każ ta’ Covid-19. Aktar minn 66,000 tilfu ħajjithom.

Bejn Jannar u Diċembru 2019, waslu f’Malta 211,546 turist Ġermaniż.

Spanja: Dewmien fil-konsenji jtellef il-programm tat-tilqim

Mill-aħħar ta’ Diċembru sal-lum, Spanja amministrat madwar tliet miljun doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. 

Il-popolazzjoni ta’ Spanja hija ta’ madwar 47 miljun. Minn dawn, 2.1% taċ-ċittadini Spanjoli, jew aħjar ftit inqas minn miljun persuna, ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin. Dan ipoġġi lil Spanja fil-ħames post fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.

L-aktar li jinsabu ‘l quddiem fil-programm tat-tilqim hemm ir-reġjun ta’ Andalusia u warajh il-Katalunja, Madrid u r-reġjun ta’ Valencia.

Intant, din il-ġimgħa tħabbar li, minn April, Spanja se tkun qed tirċievi 20.8 miljun doża addizzjonali tal-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech u dan bħala parti minn ftehim li laħqet il-Kummissjoni Ewropea biex il-kumpaniji jipprovdu 300 miljun doża aktar.

Dawn id-dożi addizzjonali mistennija jikkompensaw għad-dewmien fil-wasla tal-konsenji fl-aħħar ġimgħat u li wassal biex uħud mir-reġjuni Spanjoli jissospendu l-programm tat-tilqim.

Spanja hija fost l-aktar pajjiżi li qed jimbottaw ‘il quddiem il-proposta li jkun approvat passaport jew ċertifikat li jkun rikonoxxut internazzjonalment u li jingħata lil dawk li jkunu ġew imlaqqma kontra l-Covid-19.

Il-Ministru għat-Turiżmu Reyes Maroto qed jisħaq li dan għandu jkun għodda importanti u essenzjali li jiffaċilita l-irkupru tal-ivjaġġar sigur.

Spanja fil-fatt qed tittama li tilħaq ftehim ukoll dwar dan mar-Renju Unit, anke għax l-Ingliżi, qabel feġġet il-pandemija, kienu jammontaw għal 20% tat-turisti li jaslu fil-pajjiż. Fil-fatt, fl-2019, aktar minn 18-il miljun persuna mir-Renju Unit żaru Spanja.

Fi Spanja kienu rreġistrati aktar minn tliet miljun każ ta’ Covid-19. Aktar minn 65,000 tilfu ħajjithom.

Bejn Jannar u Diċembru 2019, waslu f’Malta 116,295 turist Spanjol.

Franza: Fost l-agħar fl-Unjoni Ewropea

Il-programm tat-tilqim fi Franza waqa’ lura u qed ikun ikkritikat mhux biss mill-Franċiżi. B’popolazzjoni ta’ 67 miljun, sa issa ġew amministrati tliet miljun doża.

Sa issa, 1% biss tal-popolazzjoni ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin u dan ipoġġi lil Franza fost l-agħar pajjiżi (fl-24 post), meta l-persentaġġ ikun imqabbel ma’ dak fil-bqija tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Apparti minn hekk, ftit tal-jiem ilu, l-awtoritajiet tas-saħħa fi Franza qed jirrakkomandaw li dawk il-pazjenti li kellhom il-Covid-19 jirċievu doża waħda minflok tnejn.

Skont il-Haute Autorité de Santé, l-eks pazjenti tal-Covid-19 ikollhom diġà ftit immunità kontra l-virus u għandhom jitlaqqmu bejn tliet u sitt xhur wara li jkunu fiequ.

Spjegat kif doża waħda se tkun qed isservi bħala ‘booster,’ għal dawn il-pazjenti, ġaladarba diġà jkollhom xi immunità.

Fi Franza qed jinxterdu wkoll diversi varjanti tal-Covid-19. Varjanti li żviluppaw fil-Brażil u l-Afrika ta’ Isfel qed jammontaw għal madwar 5% tal-każi l-ġodda rreġġistrati fi Franza.

Il-varjant Ingliż tal-Covid-19 qed jammonta għal 25% tal-infezzjonijiet il-ġodda.

Franza wkoll kien wieħed mill-aktar pajjiżi milquta ħażin mill-pandemija tal-Covid-19 u l-effett qed jinħass sew ukoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Fi Franza kienu rreġistrati aktar minn 3.4 miljun każ ta’ Covid-19. Aktar minn 82,000 tilfu ħajjithom.

Bejn Jannar u Diċembru 2019, waslu f’Malta 239,140 turist Spanjol.

X’kuntratti għandha bħalissa l-Kummissjoni Ewropea?

Fi kliem sempliċi, id-dożi tal-vaċċin li tikseb Malta jiddependu mill-kuntratti li l-Kummissjoni Ewropea ffirmat ma’ kumpaniji differenti li ħadmu jew għadhom qed jaħdmu fuq l-iżvilupp tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

  • AstraZeneca/Oxford: 400 miljun doża
  • Sanofi: 300 miljun doża
  • Johnson & Johnson: 400 miljun doża
  • BioNTech/Pfizer: 600 miljun doża
  • CureVac: 405 miljun doża
  • Moderna: 160 miljun doża

Dan ifisser li b’kollox, jekk il-kumpaniji kollha jipproduċu l-vaċċin u jkun approvat għall-użu fl-Unjoni Ewropea, se jkun hawn disponibbli 2.3 biljun doża. Il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea hija ta’ madwar 500 miljun.

Il-vaċċini li ġew irrakkomandati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina għall-użu fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea huma dawk ta’ BioNTech/Pfizer, Moderna u AstraZeneca (li qed tingħata lil dawk li għandhom inqas minn 55 sena).

Ta’ min ifakkar ukoll li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien kiteb lill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides, biex il-Kummissjoni Ewropea tixtri dożi addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19 f’każ li jkun hemm bżonn li tittieħed it-tielet doża għal tilqim aktar effettiv u hekk ma tinqabadx daharha mal-ħajt.

More in Politika