€260,000 lis-Salesjani fi ftehim li se jarahom jippromovu t-turiżmu reliġjuż lejn Malta

Il-Ministru Bartolo qal li din id-daqqa ta’ pinna qed issaħħaħ in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż, liema niċċa hija importanti ħafna għal pajjiż li għandu potenzjal f’dan is-settur

Ftehom bejn il-Gvern u s-Salesjani għal turiżmu reliġjuż
Ftehom bejn il-Gvern u s-Salesjani għal turiżmu reliġjuż

Illum ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u s-Salesjani tan-National Federation of Past Pupils and Friends of Don Bosco li permezz tiegħu ser tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-Gvern u s-Salesjani f’Tas-Sliema bil-għan li pajjiżna jattira niċċa turistika ġdida, dik tat-turiżmu reliġjuż. 

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern ser ikun qed jagħti €200,000 biex is-Salesjani jagħmlu xogħlijiet infrastrutturali f’binja li l-funzjonijiet tagħha ser ikunu li tgħaqqad żgħażagħ Kattoliċi li jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni primarja għall-vjaġġ spiritwali tagħhom. Apparti minn hekk, is-Salesjani ser ikunu qed jingħataw €60,000 oħra mifruxa fuq ħames snin bil-għan li jirreklamaw lil Malta mal-230 pajjiż differenti li s-Salesjani ta’ Don Bosco fihom huma rappreżentati. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Bartolo qal li din id-daqqa ta’ pinna qed issaħħaħ in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż, liema niċċa hija importanti ħafna għal pajjiż li għandu potenzjal f’dan is-settur.

“Għalhekk qegħdin inħarsu lejn din in-niċċa bħala waħda mill-pilastri li fuqha ser inkunu qed nibnu s-settur tat-turiżmu għaż-żmien li ġej. Jiena fiduċjuz li permezz ta’ dan il-ftehim ser inkunu qed niksbu riżultati tajbin ħafna għal pajjiżna u b’hekk inkomplu nħarsu ’l quddiem lejn it-triq tan-normalità. Irridu li Malta tkun b’saħħitha iżjed milli kienet qabel ma bdiet din il-pandemija,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

More in Politika