Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li kien il-Gvern stess li ġab il-prekarjat f’pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Ministru għax-Xogħol Clyde Caruana kien il-persuna responsabbli biex eluf ta’ barranin jinġiebu jaħdmu Malta fl-aħħar snin, lura meta kien chairman tal-JobsPlus.

Jason Azzopardi u Ivan Castillo f'isem il-Partit Nazzjonalista sostnew li "l-aħbar li l-Gvern Laburista taparsi nduna issa li iktar minn 1,200 barrani ġew impjegati llegalment b’detriment għall-impjiegi tal-Maltin, hija insult għall-istess dinjità tal-ħaddiema." 

Huma qalu li l-Ministru għax-Xogħol Clyde Caruana kien il-persuna responsabbli biex eluf ta’ barranin jinġiebu jaħdmu Malta fl-aħħar snin. Dan għaliex skont huma, meta Caruana kien chairman ta' JobsPlus, l-entità għalqet għajnejha għall-impjiegi ta’ eluf ta’ barranin li ġew impjegati ma’ terzi "b’kundizzjonijiet tax-xogħol inumani."

Sadanittant Azzopardi u Castillo qalu li "l-stess Gvern kien kompliċi fil-ksur persistenti u intenzjonat tal-liġi, liema ksur ġab ħafna prekarjat f’pajjiżna." Huma temmew jappellaw lill-Gvern sabiex mill-aktar fis imur quddiem l-imsieħba soċjali fl-MCESD u jagħti spjegazzjoni ċara ta' fejn sejjer f’dan il-qasam fi żmien hekk sensittiv għal pajjiżna

More in Politika