L-MEP Josianne Cutajar tisħaq fuq politika li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-gżejjer Ewropej

Cutajar talbet għal diskussjoni miftuħa dwar ir-rwol tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-qagħda preżenti ta’ kriżi ekonomika fil-kontinent.

F’intervent li għamlet dwar ir-regolamenti tal-Għajnuna mill-Istat biex gżejjer u żoni marittimi fl-Ewropa jirkupraw mill-effetti tal-COVID-19, l-Ewroparlamentari Maltija Josianne Cutajar insistiet li l-limiti de minimis ta’ bħalissa għandhom jiżdiedu b’mod permanenti, u sejħet għal aktar flessibbiltà biex jitqiesu b’mod xieraq iċ-ċirkostanzi ta’ żvantaġġ li għandhom gżejjer bħal Malta u Għawdex u n-negozji li joperaw minnhom.

Cutajar talbet għal diskussjoni miftuħa dwar ir-rwol tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-qagħda preżenti ta’ kriżi ekonomika fil-kontinent.

L-MEP Maltija saħqet fuq il-ħtieġa ta’ regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat aktar flessibbli fir-rigward ukoll tat-trasport bil-baħar, billi l-kriterji preżenti mhix qegħdin iqisu bizzejjed l-kuntesti speċifiċi tal-lokal u mhux dejjem jgħinu biex l-iżvantaġġ ġeografiku li jeffettwa lill-gżejjer jingħeleb. Din is-sitwazzjoni tgħodd b’mod dirett għat-trasport bejn Malta u Għawdex.

L-Ewroparlamentari Maltija kienet qed titkellem f’dibattitu importanti ko-ordinat mill-Intergroup dwar l-Ibħra, Xmajjar, Gżejjer u Żoni tal-Kosta fi ħdan il-Parlament Ewropew (SEARICA) li tiegħu hija membru attiv. 

Cutajar insistiet li ‘żvantaġġi permanenti jitolbu soluzzjonijiet fit-tul u l-qagħda speċjali tal-gżejjer għandha tiġi rikonoxxuta darba għal dejjem.’ Esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar x’se jiġri ladarba l-Qafas Temporanju preżenti għall-Għajnuna mill-Istat jiskadi.

‘Ma tkunx idea ħażina li nikkunsidraw perjodu li fih dan il-Qafas Temporanju jispiċċa b’mod gradwali u li matulu niżguraw ritorn lejn in-normalità ġdida li jkun wieħed progressiv u mingħajr skossi,’ saħqet Cutajar.

Cutajar ġibdet l-attenzjoni ta’ dawk preżenti li miżuri fit-terminu immedjat għandhom jittieħdu bil-ħsieb ta’ strateġija fit-tul li tindirizza l-iżvantaġġi partikolari tal-gżejjer fil-kompetittività u l-konnettività.

L-MPE Maltija enfasizzat li strateġija fit-tul għandha tagħti aktar flessibbiltà fejn tidħol għajnuna mill-istat sabiex ikun żgurat li setturi strateġiċi tal-gżejjer bħalma hu t-turiżmu sostenibbli jitqiesu b’mod xieraq.

Aċċennat ukoll għall-fatt li turiżmu sostenibbli ma jfissirx biss l-ospitalità, iżda jkopri setturi differenti li flimkien jistgħu jikkontribwixxu biex l-ekonomija lokali tagħna, li hi magħmula l-aktar minn negozji żgħar u medji, issir aktar diversifikata.

Dr Cutajar innotat li turiżmu sostenibbli jgħin biex jixpruna innovazzjoni li twassal għal ekonomija ċirkulari, soluzzjonijiet ta’ mobilità li jirrispettaw l-ambjent, kif ukoll għat-tisħiħ ta’ inizjattivi li jieħdu ħsieb il-pajsaġġ u jpoġġu aktar valur fil-wirt kulturali.

‘Diġà insistejt diversi drabi fuq is-sejħa li saret mill-Parlament Ewopew fl-Istrateġija Ewropea għall-SMEs sabiex il-kundizzjonijiet speċjali tan-negozji żgħar u medji li jaħdmu minn fuq gżejjer ikunu studjati mill-qrib fl-eventwalità ta’ reviżjoni tar-regoli Ewropej dwar l-Għajnuna mill-Istat. Illum qegħda nġedded din is-sejħa’, temmet tgħid Josianne Cutajar.

More in Politika