L-Imħallfin u l-Maġistrati jisħqu dwar il-bżonn ta' investiment akbar fin-numru ta' ġudikanti

L-Assoċjazzjoni saħqet illi mingħajr riżorsa adegwata il-Ġudikanti ma jistgħu bl-ebda mod jaħdmu b’mod effiċjenti u effettiv

L-Assocjazzjoni għall-Imħallfin u Magistrati ta’ Malta, fi stqarrija rara, laqgħet l-aħbar li l-Gvern se joħrog sejħa għal erba’ Imħallfin u erba’ Maġistrati ġodda iżda saħqet li hija mħassba dwar il-fatt li, minħabba l-volum kbir ta’ xogħol li preżentment qed iħabbtu wiċċhom miegħu, inkluż xogħol "ta’ natura kumplessa, komplikata kif ukoll delikat ħafna," jeħtieġ investiment ferm akbar fin-numri ta’ Ġudikanti minn dak propost.

L-Assoċjazzjoni tfakkar li statistika uffiċjali maħruga mill-Unjoni Ewropea turi kif fil-preżent, f’Malta hawn nofs in-numru ta’ Ġudikanti meħtiega għall kull mitt elf ruħ meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa.

"Dan minkejja li x-xogħol fil-Qrati qiegħed dejjem jiżdied fil-kwalità u l-kwantità tiegħu. Din il-problema ilha ġejja u minkejja sforzi li saru, din il-problema bażika qatt ma ġiet riżolta minkejja l-Gvernijiet varji matul is- snin." insistet l-assoċjazzjoni.

L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li kontra dak irrapportat, il-maġġoranza l-kbira tal-Ġudikanti jaħdmu kuljum, matul il-gimgħa kollha u meta jkun hemm bżonn, anke jżommu seduti fi tmiem il-ġimgħa. Saħqet ukoll li l-awli jintużaw fil-jiem kollha tal-ġimgħa u kull meta jkun hemm il-bżonn.

"Parti sostanzjali mix-xogħol tal-Ġudikanti ma jsirx fl-awli u għalhekk ma jidhrix minn għajnejn in-nies. Ħafna mix-xogħol fil-fatt isir fl-uffiċċji tal-Ġudikanti, kif ukoll fid-djar tagħhom, fejn iqattgħu sigħat sħaħ jistudjaw kawżi u jiktbu s- sentenzi. Peress li dan huwa xogħol li ma jidhirx, ma jiġix ikkunsidrat u apprezzat," kompliet tgħid.

Għalhekk, flimkien ma’ dawn il-ħatriet il-ġodda proposti, qed jisħqu li għandu jsir investiment akbar fil-ġudikanti sabiex jipprovdi "għan-nuqqasijiet serji li hemm fil-Qrati - partikolarment fir-Reġistru tal-Qorti - u fl-assistenza important għall-Ġudikanti preżenti." 

L-Assoċjazzjoni saħqet illi mingħajr riżorsa adegwata il-Ġudikanti ma jistgħu bl-ebda mod jaħdmu b’mod effiċjenti u effettiv.

"Għal dan il-għan, jeħtieġ illi jkun hemm pjan ta’ ħidma fit-tul sabiex jiġi assigurat li l-amministrazzjoni tal-Qorti tkun tista’ tinvesti, tattira u timpjega nies imħarrga u kompetenti sabiex jassistu lil-Ġudikatura u b’hekk titjieb l- effiċjenza tal-Qrati," kompliet tgħid l-istqarrija.

Insistiet li s-sors ta’ dewmien fil-proċeduri fil-Qorti huwa wkoll dovut għal sistemi ta’ proċeduri antikwati fit-tmexxija ta’ ċerti kawżi, partikolarment fil-kamp kriminali.

"Hemm ukoll metodoloġiji u proċeduri imposti mill-Leġislatur fil-varji oqsma legali - uħud minnhom anke li saru reċentement, bħal dawk fil-qasam tal-Liġi tad-Droga – li qed jissarfu fi xkiel serju għall-operat effiċjenti tal-Qorti. Il-Ġudikatura ma tista’ bl-ebda mod topera b’mod aktar effiċjenti jekk ma jsirux tibdiliet radikali leġislattivi f’dawn il-varji proċeduri. Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jindirizza dawn in-nuqqasijiet legali bil-għan li l-proċeduri fil-Qrati jitħaffew," insistiet.

Temmet tgħid li ċ-ċittadin għandu dritt illi jingħata ġustizzja f’ħin raġjonevoli, u għalhekk tinsisti illi huwa dover u obbligu tal-Gvern illi, bħalma investa f’varji oqsma ta’ importanza nazzjonali, bħalma huma tas-Saħħa, s-Servizzi Soċjali u l-Edukazzjoni,jagħrf li wasal iż-żmien li jinvesti bis-serjetà fil-ħtiġijiet finanzjarji tal-Qorti.

"Huwa inutli illi jiżdiedu n-numru ta’ Ġudikanti fil-Qorti jekk imbgħad ma jingħatawx in-nies u għodda sabiex ikunu jistgħu joperaw b’mod effiċjenti," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika