'Irrid niftaħ il-bibien beraħ u nwaqqa' l-ħitan għax kull persuna hija parti mill-bidla li rrid'

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iżur il-komunità kummerċjali ta' Birżebbuġa

Bernard Grech f'Birżebbuġa
Bernard Grech f'Birżebbuġa

"Għax wegħedt li rrid politika viċin tan-nies, se nibqa' nisma’ u niltaqa’ man-nies. Għalhekk irrid niftaħ beraħ, mhux biss il-bibien tal-Partit Nazzjonalista, iżda li nwaqqa’ l-ħitan għaliex kull persuna, nkluż il-membri tal-komunita’ kummerċjali, trid tkun parti mit-trasformazzjoni li rrid nara għal pajjiżna."   Hekk qal dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel fil-lokalita’ ta’ Birżebbuġa fejn iltaqa’ ma’ bosta sidien tal-ħwienet, bejjiegħa tal-monti u residenti.

Il-Kap tal- Partit Nazzjonalista tkellem ma’ diversi membri tal-komunita’ kummercjali tal-lokal li qalu kif minhabba fis-sitwazzjoni preżenti x-xogħol tagħhom naqas, u filwaqt li qegħdin jieħdu inqas paga d-dar għadhom jaffaċċjaw l-istess għafsa tal-ispejjeż, bir-riżultat li hemm min jibża’ li ma jirnexxilux ilaħħaq magħhom jew li saħansitra jispiċċa jfalli. Grech appella lil dawn is-sidien ta’ negozju u bejjiegħa tal-monti, sabiex jibqgħu fiduċjużi li ftit, ftit hekk kif is-sitwazzjoni titjieb, wieħed ikun jista’ jerġa’ jibda jimxi ‘l quddiem.

Temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jibqa’ jsegwi kif din is-sitwazzjoni qed tiżviluppa, anki billi jibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-imsieħba soċjali, u li jibqa’ joħroġ bi proposti għal dan is-settur partikolarment quddiem l-isfidi li n-negozji żgħar u medji qed jaffaċċjaw kawża tal-pandemija

More in Politika