10 għaqdiet jerġgħu joġġezzjonaw għall-proġett tad-db u jgħidu li l-pjanti l-ġodda jbiddlu ftit

L-għaqdiet ifakkru fl-istqarrija li l-applikant issa qed jipproponi li jibni żewġ torrijiet minflok wieħed, filwaqt li żdiedu tliet sulari residenzjali mal-pjanti ta’ qabel

Għaxar organizzazzjonijiet oġġezzjonaw għar-raba’ darba għall-proġett tad-db Group fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS.

Fi stqarrija huma ddikjaraw li l-pjanti l-ġodda ma jindirizzawx il-problemi prinċipali li ilhom jissemmew ripetutament għal dawn l-aħħar tliet snin b’rabta ma’ dan l-iżvilupp "massiċċ u intensiv f’żona primarjament residenzjali li tmiss ma żewġ siti ta’ Natura 2000."

L-organizzazzjonijiet innutaw li, għalkemm il-pjanti l-ġodda qed jiġu mpinġijin bħala tnaqqis fuq il-pjanti oriġinali, qalu li fil-fatt il-bidliet li saru huma "minimi ħafna meta tqis il-volum kollu tal-proġett."

Huma fakkru fl-istqarrija li l-applikant issa qed jipproponi li jibni żewġ torrijiet minflok wieħed, filwaqt li żdiedu tliet sulari residenzjali mal-pjanti ta’ qabel. "Għalhekk, il-punti prinċipali li huma ta’ tħassib serju, baqgħu ma ġewx indirizzati bl-ebda mod u l-proposta emendata għadha tistona kompletament mal-ambjent tal-madwar."

Huma reġgħu sostnew li l-volum ta’ attività li se jkun iġġenerat fl-akkwati ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan, kif ukoll dik li sejħu "l-estensjoni ta’ Paceville ġo Pembroke", mhumiex sostenibbli u se jnaqqru l-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ residenti u ta’ dawk li jżuru dawn l-inħawi. 

L-għaqdiet firmatarji ta' din l-istqarrija huma:  BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Green House, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Rota, Sustainable Built Environment Malta u The Archaeological Society Malta

 

More in Politika