Mark Sammut jgħid li Joseph Muscat kien qabbad lil missieru biex jibda jikteb blog kontra Daphne

Mark Sammut huwa iben il-kittieb Malti Frans Sammut magħruf għal diversi xogħlijiet fosthom ir-rumanż 'Il-Gaġġa'

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien qabbad lill-awtur ċelebri Frans Sammut biex jibda jikteb  blog biex jitfa’ f’dawl ikrah lil Daphne Caruana Galizia.

Kien iben l-istess awtur, Mark Sammut, li qal dan quddiem l-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sammut qal li darba missieru kien għadda kumment waqt konversazzjoni iżda fehem l-importanza miegħu meta qara dwar ix-xhieda tal-istess Joseph Muscat quddiem l-inkjesta pubblika.

Muscat kien ċaħad li b’xi mod instiga jew inkella kkawża mibiegħda kontra Daphne Caruana Galizia.

Sammut saħaq li meta qara din id-dikjarazzjoni ftakar f’dak li kien qallu missieru, jiġifieri li Muscat kien talbu jagħmel blog biex ipoġġi f’dawl ikrah lill-ġurnalista.

“Missieri kien awtur u kiteb ħafna għall-Partit Laburista,” insista.

Sammut ma kienx aċċetta għax l-idea kienet tmur kontra dak li kien jemmen fih, anke jekk, fi kliemu,ma kellu l-ebda simpatija għal Caruana Galizia.

Mistoqsi jekk illum jappoġġjx lill-Partit Nazzjonalista, Sammut wieġeb fil-pożittiv, madanakollu saħaq li mhux qed jgħid dan minħabba raġunijiet partiġġjani.

“Jiena nemmen li missieri ħalla legat morali ... jiena għandi mħabba sinċiera lejn il-verità u li l-istituzzjonijiet jaħdmu tajjeb,” insista.

Xehdet ukoll Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, li ppreżentat kopja tal-artikli li kienu ġew ippubblikati fuq blog li kien iġib l-isem tasteyourownmedicine.com. Dan il-blog kien waqaf jopera fi żmien li Glenn Bedingfield kien fetaħ blog f’ismu.

L-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo xehdet wara l-bibien magħluqa dwar l-investigazzjoni tal-Pulizija u r-recordings ta’ Melvin Theuma.

L-inkjesta pubblika tkompli fil-5 ta’ Marzu.

More in Politika