Ridu lill-ġurnalist ixejjen il-kredibbilità ta' Melvin Theuma; Mercieca u Caruana Curan iwieġbu mhux ħatja li pprovaw ixaħħmu ġurnalist

Jibda jinstema l-każ kontra l-Avukati ta' Yorgen Fenech, Charles Mercieca u Caruana Curan akkużati li pprovaw ixaħħmu ġurnalist

L-Avukati Charles Mercieca u Caruana Curan malli ħarġu mill-Qorti mat-tim legali tagħhom
L-Avukati Charles Mercieca u Caruana Curan malli ħarġu mill-Qorti mat-tim legali tagħhom

L-avukati Gianluca Caruana Curan u Charles Mercieca llum tressqu l-Qorti u wieġbu mhux ħatja li pprovaw ixaħħmu lill-ġurnalist tat-Times of Malta, Ivan Martin.

Fost oħrajn, xehed il-ġurnalist innifsu li spjega kif għamel l-ewwel kuntatt ma’ Charles Mercieca f’Mejju 2020 meta sema’ li se jitlaq minn mal-Avukat Ġenerali u jingħaqad mat-tim legali ta’ Yorgen Fenech.

Insista li wara li kienu ltaqgħu l-Qorti, kienu ltaqgħu għal kafè u ddiskutew kif jistgħu jaħdmu flimkien. Dan seħħ qabel kellhom laqgħa fl-uffiċċju ta’ Charles Mercieca, fejn kien tah xi informazzjoni biex ikompli jsegwi.

Kompla jisħaq kif iltaqgħu għat-tieni darba fl-uffiċċju u dakinhar kien hemm ukoll Gianluca Cuaruana Curan. Dakinhar, skont Martin, iddiskutew abbozz ta’ storja li kien bagħat ftit qabel.

Skont il-ġurnalist, l-avukati riduh jikteb xi stejjer biex ixejjen il-kredibilità ta’ Melvin Teuma, l-intermedjarju. Martin xehed li weġibhom li ma jagħmlux dawn it-tip ta’ artikli u lanqas ma jista’ jkollhom kontroll fuq l-istejjer li jidhru fil-ġurnal.

Qalilhom biss, kompla jixhed, li kien lest jismagħhom.

Il-ġurnalist qal li Caruana Curan esprima tħassib dwar kif il-midja qed tirrapporta l-każ. 

Kien hawn, li skont Martin, Caruan Curan daħħal idejh fil-but, ħareġ mazz flus u tahomlu f’idejh. Martin qal li għall-bidu lanqas induna li kienu flus u tahomlu immedjatament lura malli rrealizza x'kienu.

Caruana Curan talbu skuża u qallu li qatt qabel ma kien tkellem ma’ ġurnalist.

Ivan Martin xehed li kien dak il-ħin meta qam, telaq ‘il barra u informa lis-superjuri tiegħu.

Xehed ukoll l-Ispettur Anthony Scerri, mill-iskwadra ta’ kontra reati ekonomiċi. Huwa rrefera għall-artiklu, ippubblikat it-3 ta’ Novembru 2020 u li fih it-Times of Malta allegat li Caruana Curran ta bejn 2 u 4 karti tal-€500 fil-preżenza ta’  Mercieca lill-ġurnalist Ivan Martin.

Qal li l-Pulizija bdiet investigazzjoni minħabba possibilità ta’ korruzzjoni. 

Il-Prosekuzzjoni qalet li Gianluca Caruana Curan kien stqarr mal-Pulizija li kien offrielu karta waħda mhux tnejn jew erbgħa. Qal li għamel dan għax ħass li Martin kellu jkun ikkumpensat.

Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li meta l-pulizija kellmu lil Mercieca, dan ikkonferema li qal Gianluca iżda fl-istess ta żewġ verżjonijiet. L-ewwel qal li Gianluca Caruana Curan pprova jgħaddi l-flus għax Ivan Martin kien jagħmel ħafna għalihom u aktar tard saħansitra allega li Ivan Martin kien jaħdem għalihom.

Fost oħrajn, xehdet ukoll l-editur ta' The Times of Malta, Diana Cacciattolo li filwaqt li kkonfermat dak li qal Ivan Martin, insistiet li dak li għamlu l-Avukati huwa "kompletament inaċċettabbli."

Times news editor Diana Cacciottolo also took the witness stand to confirm Martin’s version of events.

More in Politika