Ħafna minna bilkemm naħsbu dwar l-ispiża li se nonfqu meta nixtru affarijiet essenzjali għall-iġjene ta’ kuljum. Iżda għal dawk li jgħixu fil-faqar, l-iġjene bażika ma tibqax neċċesità iżda ssir lussu.
Huwa faċli li tifhem li meta l-ikel hu skars, l-iġjene mhix dejjem l-ogħla prijorità. Dan kollu jaf iwassal għal faqar relatat mal-mestruwazzjoni. Il-faqar tal-mestruwazzjoni tirreferi għad-diffikultà fl-aċċess għal prodotti sanitarji u iġjeniċi.
‘Ma ngħidulhomx ukoll li minn issa l-quddiem għandhom iħallsu prezz għal ġisimhom u l-funzjoni tiegħu’ - Rosianne Cutajar
Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar fuq x’inhu jagħmel il-Gvern rigward dan kollu. Cutajar bdiet tispjega li meta t-tfajliet żgħar jiksbu l-ewwel period tagħhom, ngħidulhom li saru nisa iżda ma ngħidulhomx bl-effetti sekondarji li jġib miegħu l-mestruwazzjoni.
“Dak li ma ngħidulhomx hu li l-period għal ħafna jinkludi fluss tad-demm qawwi, bugħawwieġ, uġigħ ta’ ras, u moodswings, biex insemmu biss ftit. Ma ngħidulhomx ukoll li minn issa ‘l quddiem għandhom iħallsu prezz għal ġisimhom u l-funzjoni tiegħu” hi tkompli.
Rosianne Cutajar stqarret li għalhekk ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn il-mestruwazzjoni bħala xi ħaġa anormali jew agħar, bħala tabù. Cutajar tisħaq li bħala soċjetà ma nistgħux inħarsu lejn prodotti tal-iġjene femminili bħal prodotti oħra li mhumiex ħtiġijiet bażiċi. Hi emfasizzat il-fatt “li dawn il-prodotti huma ħtiġijiet bażiċi li l-mara ma tistax toqgħod mingħajrhom u li huma direttament relatati mas-saħħa tal-mara.”
Qalet ukoll li ma nafux l-ammont preċiż ta’ kemm hawn nisa u tfajliet li jiġu effettwati mill-faqar relatat mal-mestruwazzjoni, iżda tajjeb nkunu nafu “li dan il-fenomenu hu mifrux madwar id-dinja kollha u li jħalli mpatt negattiv fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja.”
Rosianne Cutajar temmet tgħid li l-konsegwenzi tal-faqar relatat mal-mestruwazzjoni jvarjaw iżda “ma nistgħux neskludu li dan jista’ jwassal għal assenza mil-iskola jew ix-xogħol, mard ta’ saħħa ieħor relatat, mistħija jew esklużjoni. Dan kollu jista’ jħalli impatt ikbar fuq is-saħħa, il-ħajja ekonomika, u dik soċjali.” Cutajar żvelat mal-ILLUM li dwar dan is-suġġett il-Gvern qiegħed jirriċerka f’aktar dettall biex ikun jaf aktar dwar dan il fenomenu u x’effetti li qed jħalli lokalment.
Iġjene mestruwali ħażina: L-effetti
Iġjene mestrwali ħażina tista’ tikkawża riskji fiżiċi għas-saħħa. L-UNICEF riċentement tkellmet fuq kif l-iġjene mestruwali ħażina twassal għall-infezzjonijiet fis-sistema urinarja u anke’ dik tar-riproduzzjoni. Il-faqar relatat mal-mestruwazzjoni, iwaqqaf ukoll lin-nisa milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u saħansitra jitilfu opportunitajiet kruċjali fil-karriera tagħhom. Madwar id-dinja rajna ukoll każijiet ta’ tfajliet żgħar li ma jirċevux edukazzjoni minħabba l-mestruwazzjoni. L-istess tfajliet sfaw vittmi ta’ żwiġijiet tat-tfal u jesperjenzaw tqala bikrija, malnutrizzjoni, vjolenza domestika, u komplikazzjonijiet tat-tqala bħala riżultat ta’ iġjene mewstrali ħażina.
Hemm bosta affarijiet li nistgħu nagħmlu biex innaqqsu l-faqar relatat mal-mestruwazzjoni sakemm titwaqqaf it-taxxa tat-tampun. L-ewwel pass huwa li ninnormalizzaw l-mestrwazzjoni u neqirdu it-tabù madwar dan il-proċess naturali. Imbagħad għandha tkun infurzata politika biex il-prodotti mestrwali, sanitarji u l-iġjene jkunu aċċessibbli faċilment. Attivisti ilhom jitolbu li l-gvernijiet jagħtu prijorità lill-politika ta’ ekwità mestrwali, iżda storikament il-kwistjoni ppreżentat sfida.
L-ILLUM bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lil Womens Rights Foundation fuq x’qegħdin jagħmlu dwar it-taxxa tat-tampun u jekk hux qegħdin jagħmlu pressjoni kif ukoll joffru għarfien sabiex din it-taxxa titneħħa. Minkejja dan il-gazzetta baqgħet bla risposta.
Aqra wkoll