'L-Ewropej m'għandhomx għalfejn jgħiru għall-Istati Uniti jew l-Iżrael' - Sandra Gallina

Id-Direttur Ġenerali tas-Saħħa u Sigurtà fl-ikel fil-Kummissjoni Ewropea Sandra Gallina tgħid illi diġà nqabżu t-12-il miljun doża madwar l-UE u tispjega kif l-Ewropa se tilħaq il-mira ta' 70% sas-sajf ...

12-il miljun doża sa issa fl-UE - S.Gallina
12-il miljun doża sa issa fl-UE - S.Gallina

F'dibattitu fil-Parlament Ewropew (PE) nhar it-Tnejn il-Membri tal-Kumitat Tal-PE tal-Baġit għamlu diversi mistoqsijiet lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa u Sigurtà fl-ikel fil-Kummissjoni Ewropea Sandra Gallina, li spjegat x'inhi tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tilħaq l-miri tagħha illi 70% tal-poplu Ewropew ikun ħa l-vaċċin sas-Sajf li ġej.  Hija qalet li sa issa l-UE qabżet it-12-il miljun doża ta' vaċċin mogħtijin u sostniet li dan ifisser li ma hemm ebda raġuni għaliex l-Ewropej għandhom jgħiru għal-Istati Uniti u l-Iżrael.

Sal-bidu ta' Jannar il-Kummissjoni Ewropea kienet diġa' assigurat portafoll ta' aktar minn 2.3 biljun doża, ma kumpaniji differenti.

Gallina qalet illi l-MEPs qdew dmirhom meta adottaw għajnuna ta' emerġenza lill-Istati Membri li wasslet biex ingħatat imbuttatura 'l quddiem lil programmi ta' riċerka Horizon Europe. 

Fid-dibattitu l-MEPs appellaw għal aktar trasparenza, speċjalment fir-rigward ta' kif qed jintuża l-Baġit Ewropew.  Huma fakkru li l-ftehim ma' kumpaniji farmaċewtiċi huma ta' interess pubbliku u allura jeħtieġ ikunu pubbliċi. 

Xi Membri tal-Kumitat Parlamentari qalu illi €1.5 biljun ta' fondi mhux użati għandhom jintużaw għal programmi ta' riċerka u l-marġini tal-Baġit Ewopew jintużaw biex jitħaffef il-proċess illi permezz tiegħu jingħata l-vaċċin. 

Gallina iżda qalet illi l-flus għandhom jintefqu fuq l-isfida tal-varjanti tal-Covid-19 u li l-problema fl-Ewropa mhijiex id-dożi ordnati iżda hija problema relatata mal-produzzjoni.  Hi qalet illi qed tittama fi żblokk fit-tieni kwart tal-2021 biex jitħaffef il-proċess u fuq vaċċin li sa issa mhumiex reġistrati, ta' kumpaniji oħrajn.  Hija qalet ukoll li ħafna se jkun qed jorbot mal-kuntratt ma' BioNTech, biex jintlaħqu l-miri tal-Kummissjoni.

More in Politika