Il-fond soċjali ta’ €90 biljun innegozjat mill-MEP David Casa maqbul mal-Presidenza Portugiża

Casa jgħid illi n-negozjati ma kinux faċli madankollu jinsab "kburi li ntlaħaq ftehim"

L-MEP David Casa
L-MEP David Casa

Intlaħaq qbil bejn ir-Rapporteur tal-Parlament Ewropew David Casa u l-Presidenza Portugiża tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew il-ġdid b’valur ta’ kważi €90 biljun, li jinkludi l-għodod ewlenin tal-Unjoni Ewropea li jtejbu l-istat soċjali tal-Ewropej. Dan il-ftehim proviżorju kien kruċjali fin-negozjati, u issa mistenni jkun approvat kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament Ewropew fil-ġimgħat li ġejjin.

Fir-reazzjoni tiegħu għal dan il-ftehim, ir-Rapporteur tal-Parlament Ewropew David Casa qal li n-negozjati fuq dawn il-fondi ma kienux faċli għal żewġ raġunijiet. "L-ewwelnett, qed nitkellmu dwar wieħed mill-akbar fondi tal-Unjoni Ewropea: kważi €90 biljun mqassma fuq seba' snin fost is-27 Stat Membru. It-tieni nett, in-negozjati bdew waqt il-pandemija tal-COVID-19 li ħalliet konsegwenzi bla preċedent fuq l-istat soċjali ta’ diversi familji Ewropej. Madanakollu, ninsab kburi li ntlaħaq dan il-ftehim. Issa nħeġġeġ liż-żewġ istituzzjonijiet biex japprovawh kemm jista’ jkun malajr, biex il-Gvernijiet ikunu jistgħu jużaw dawn il-flus għal diversi skemi li jiffukaw fuq ix-xogħol, it-taħriġ u l-inklużjoni soċjali.”

L-għanijiet tal-Fond Soċjali Ewropew huma li jiġu ndirizzati l-problemi kbar li ħaddiema, żgħażagħ, tfal u familji jiffaċċjaw fl-oqsma tax-xogħol, l-edukazzjoni, l-ħiliet u l-inklużjoni soċjali. F’Malta, parti minn dawn il-flus huma amministrati minn Jobs Plus permezz ta’ diversi skemi bħall-Access to Employment Scheme. Diversi entitajiet jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi, fosthom għaqdiet tas-settur pubbliku, kunsilli lokali u diversi NGOs.

Il-Fond Soċjali Ewropew hu t-tieni fajl soċjali kbir li l-Kwestur David Casa ġie fdat bih. Sentejn ilu, id-Direttiva Ewropea tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol saret liġi, li żiedet id-drittijiet tal-ġenituri u l-carers fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika