Ikomplu l-battibekki bejn l-Unjoni Ewropea u l-kumpanija AstraZeneca, hekk kif il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen, insistiet biex il-kuntratt iffirmat bejn iż-żewġ partijiet ikun ippubublikat, kif fil-fatt seħħ.
F’intervista fuq stazzjon tar-radju Ġermaniż, von der Leyen saħqet li fil-kuntratt hemm “termini preċiżi” li jorbtu liż-żewġ naħat u insistiet li trid spjegazzjonijiet ċari għaliex il-kumpanija qed tisħaq li se jkun hemm dewmien fil-konsenji tad-dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
AstraZeneca qed tisħaq li dan id-dewmien huwa kawża tal-produzzjoni f’żewġ impjanti tagħha.
Il-vaċċin ta’ AstraZeneca mistenni jkun approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fis-sigħat li ġejjin.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Unjoni Ewropea heddet li twaqqaf l-esportazzjoni tal-vaċċin barra mill-Istati Membri jekkAstraZeneca ma tonorax l-obbligi tagħha.
Fil-fatt, AstraZeneca għamlet din id-dikjarazzjoni ftit jiem biss wara li anke Pfizer qalet li se jkun hemm dewmien fil-konsenji tagħha. AstraZeneca għandha impjant fl-Olanda u l-Belġju filwaqt li Pfizer għandha wieħed fil-Belġju.
Ma’ AstraZeneca, l-Unjoni Ewropea laħqet ftehim għal 300 miljun doża tal-vaċċin, bil-possibbbilità ta’ 100 miljun oħra.
Sorsi li qed jitkellmu ma’ midja internazzjonali qed jisħqu li sa Marzu, il-kumpanija mistennija tibgħat lill-Unjoni Ewropa madwar 100 miljun doża, 75 miljun inqas minn dak mifthiem.
Malta għandha allokati miljun doża minn dawn.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Pascal Soriot, qed jisħaq li l-kuntratt jistipola li l-kumpanija tagħmel l-almu kollu tagħha biex tilqa’ għad-domanda tal-Unjoni Ewropea iżda qed jinsisti li l-kumpanija ma kinitx marbuta bl-ebda timetable speċifika.