Ir-ristoranti kollha se jgħalqu fil-11 p.m. u aktar spezzjonijiet u rondi għal Frar

Il-Gvern iħabbar miżuri ġodda għal Frar, fosthom aktar rondi u spezzjonijiet mill-MTA f'Għawdex biex ikun aċċertat li kulħadd qed jopera skont il-liċenzja

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li tul ix-xahar kollu ta' Frar ir-ristoranti se jibdew jgħalqu fil-11 p.m, il-każini u l-bars intant se jibqgħu magħluqin kif ilhom għall-aħħar ġimgħat. 

Intant fil-perjodu li matulu normalment isir il-Karnival (11 sa 17 ta' Frar) se tittieħed it-tempertura lil kull min jitla' fuq il-Gozo Channel, filwaqt li kulħadd se jkollu jilbes maskra fuq il-vapuri, li l-PM Abela jgħid illi se jibqgħu jitħaddmu b'nofs il-passiġġiera/volum.  Dan ifisser li mhux se jkunu qed jiżdiedu l-vapuri, anke jekk tiżdied id-domanda matul dawn il-jiem.

 Robert Abela qal li dan se jsir biex jintbagħat messaġġ li dan mhux Frar normali. 

Fl-istess perjodu ta' żmien se jkun hemm rondi addizzjonali f'Marsalforn, in-Nadur, ix-Xlendi u r-Rabat Għawdex.  Dan filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wkoll se tkun qed iżżid ir-rondi u spezzjonijiet madwar stabbilimenti ta' akkomodazzjoni biex ikun aċċertat li qed joperaw skont il-liċenzja, jiġifieri li f'kull akkomodazzjoni ma jkunx hemm iktar nies milli hemm sodod. 

Abela ħabbar li fid-dawl ta' dan il-Gvern se jżid l-għajnuna lill-bars u każini minn €1 miljun għal €2.2 miljun. 

Il-Prim Ministru qal illi Frar huwa differenti minn Jannar għax ġeneralment jerġa jkun ta' żvog u qal illi hu jixtieq li kieku se jkun xahar normali. "Iżda din is-sena se tkun differenti. Qed nitlob lill-familji biex jagħmlu ftit ieħor sagrifiċċju u l-istess in-negozji."

"Il-jiem aħjar jinsabu biss ftit 'l bogħod.  Mhux talli bdejna l-2021 bil-vaċċin, talli għalaqna l-2020 bil-vaċċin u llum aħna l-aktar pajjiż li qed nagħtu dożi, skont il-popolazzjoni  Il-Kabinett approva €2 miljuni għal 80,000 doża tad-ditta Moderna," qal il-PM Abela. 

More in Politika