'Il-Gvern mhux se jħalli waħedhom lil dawk f'kirja protetta ta' qabel l-1995' - PM

Il-Prim Ministru jħabbar ukoll li din il-ġimgħa se tingħata l-għajnuna addizzjonali lis-sidien tal-bars u l-każini

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern mhux se jkun qed iħalli waħedhom lil dawk li jinsabu f’kirja protetta ta’ qabel l-1995 u li bħalissa jinsabu mħassba minħabba diversi sentenzi tal-Qorti li għal aktar minn darba kienet fuq in-naħa tas-sid u saħqet li l-liġi qed tiksrilhom id-drittijiet tagħhom.

Waqt laqgħa tal-kabinett li saret fil-Fgura, il-Prim Ministru Robert Abela irrikonoxxa li hemm ħafna inċertezza dwar din il-kwistjoni.

“Hemm ukoll dawk in-nies li bħalissa qed jgħixu f’dar b’kirja ta’ qabel l-1995 u hemm inċertezza dwar il-futur tiegħu. Dak huwa t-tħassib tan-nies li qegħdin jitkellmu dwaru u għalhekk inżilna hawn biex nisimgħu, imma mhux nisimgħu biss imma anke biex nagħtu s-serħann tal-moħħ, fosthom lil dawk in-nies li qed jgħixu f’dar b’kirja protetta, li mhu se nħallu lil ħadd waħdu” insista l-Prim Ministru Abela.

Dan l-aħħar, anke l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, tkellem dwar dan fejn saħansitra stieden lill-Prim Ministru biex ipoġġu flimkien madwar mejda u jaħdmu għal soluzzjoni biex ħadd ma jispiċċa jgħix ħajtu f’inċertezza.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-għajnuna li l-Gvern se jkun qed jagħti lis-sidien tal-bars u l-każini u saħaq li din se tkun qed titħabbar din il-ġimgħa

 “Aħna kburin li għandna prinċipji u valuri soċjalisti jiġifieri dawk il-prinċipji fejn verament tħoss għaż-żgħir, tħoss għall-batut, tħoss għall-fqir u ttella’ l-livell, il-kwalità tal-ħajja tagħhom ’il fuq. Dan jgħodd ukoll għan-negozji, dan huwa Gvern li huwa business-friendly, naħdmu ma’ kulħadd, ngħinu lil kulħadd għaliex huwa b’hekk biss li inti ttella’ l-livell tal-pajjiż b’mod ħolistiku ’il fuq, li tgħin lin-negozji, imma imbagħad qatt ma tista’ tinsa liż-żgħir”, insista Abela.

Saħaq li l-Gvern huwa wieħed li ma jiddejjaqx jieħu d-deċiżjonijiet u dan jagħmlu wara li jisma’ lil kulħadd. 

“Għal dan il-għan aħna nżilna fil-komunitajiet, u se nibqgħu ninżlu fil-komunitajiet madwar il-pajjiż biex nifhmu anke t-tħassib tan-nies, għax ejja nkunu onesti ma’ xulxin, mexxejna tajjeb fl-aħħar xhur, għamilna ħafna u ħafna tajjeb imma rridu nkunu realtisiċi u ngħidu li xorta waħda jkollok xi tħassib għal numru ta’ nies”, kompla jgħid.

F’botta għall-Kap tal-Oppożizzjoni, li lbieraħ ikkritika l-istazzjon nazzjonali u l-intervista li saritlu fuq il-programm Insights, Abela saħaq li l-ħajja pubblika ġġib magħha l-isfidi.

“Trid tistenna li tkun skrutinat b’mod pubbliku, trid tifhem li ġurnalist qiegħed jagħmel xogħolu u d-dover tagħna huwa li nwieġbu għad-domandi tal-media u rridu nkunu onesti u trasparenti fit-tweġibiet tagħna u mhux nattakkaw lill-ġurnalisti.  Jiena se nkun qed niddefendi lil kull ġurnalist fix-xogħol tiegħu,” insista.

Tkellem dwar it-triq ‘il quddiem u qal li dan huwa “Gvern frisk” u lest li jidħol għall-fażi li jmiss ta’ rkupru ekonomiku wara l-pandemija.

 “Matul il-laqgħa tal-kabinett intervjenew numru ta’ sindki u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li tkellmu dwar il-ħtieġa ta’ aktar spazji miftuħa, f’lokalitajiet bħall-Fgura, proġetti ambjentali u oħrajn sportivi.

Rakkomandazzjonijiet oħrajn trattraw il-ħtieġa ta’ aktar spazji għal parkeġġ, ewlenin fosthom f’Raħal Ġdid, hekk kif il-komunità tan-negozji f’din il-lokalità hija waħda sostanzjali.

L-industrija tat-turiżmu wkoll kienet fuq l-aġenda, hekk kif is-Sindku ta’ Ħal Tarxien appella biex niċeċ ta’ importanza storika bħat-tempji megalitiċi tal-lokal jistgħu jattiraw iktar turiżmu lejn ir-raħal.

More in Politika