'Id-Djoċesi ta' Għawdex tiddiżassoċja ruħha minn kull attività reliġjuża li ġiet jew tista’ tiġi organizzata fuq barra'

Għalkemm id-Djoċesi ma għamlet referenza għall-ebda attività, ilbieraħ filgħodu saret attività b'San Ġużepp ta' Ħal Għaxaq fiċ-Ċittaddella

Fi stqarrija, id-Djoċesi ta' Għawdex qalet li tixtieq turi "d-diżapprovazzjoni tagħha u tiddiżassoċja ruħha" minn kull attività reliġjuża li ġiet jew tista’ tiġi organizzata fuq barra u li ma tirrispettax il-miżuri tal-Awtoritajiet biex jipproteġu s-saħħa tal-pubbliku.

Id-Djoċesi ħeġġet lill-parroċċi, lill-komunitajiet u lill-entitajiet reliġjużi biex iħarsu s-saħħa tan-nies billi jieħdu dejjem u f’kull sitwazzjoni l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Għalkemm ma għamlet referenza għall-ebda attività, ilbieraħ filgħodu saret attività b'San Ġużepp ta' Ħal Għaxaq fiċ-Ċittaddella.

L-istatwa ta' San Ġużepp ta' Ħal Għaxaq kienet ilha xhur għar-restawr f'Għawdex, tant li ma setgħetx titniżżel minnufih Malta s-sena li għaddiet minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u ċ-ċelebrazzjonijiet li kienu ġew organizzati kellhom jitħassru kollha.

Ix-xogħol ta' restawr fuq din il-vara ġie inawgurat is-Sibt filgħaxija waqt akkademija fil-Katidral ta' Għawdex, anke jekk bir-restrizzjonijiet kollha imposti biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19, kif jixhdu r-ritratti. Organizzaturi saħansitra qalu ma' dan is-sit li għalkemm mhux obbligatorja, il-bandisti kollha li ħadu sehem intalbu jagħmlu swab test.

Mument mill-akkademija fil-Katidral ta' Għawdex
Mument mill-akkademija fil-Katidral ta' Għawdex

Il-Ħadd filgħodu, ftit wara nofsinhar, l-istatwa ta' San Ġużepp intrefgħet mill-fratelli Ġużeppini u nħarġet miċ-Ċittaddella. Il-ħruġ tal-vara mill-Katidral kien akkumpanjat mill-ħruq tan-nar u minn banda ridotta (bid-distanza soċjali) u anke biċ-ċapċip ta' xi partitarji Għaxqin li telgħu għal din iċ-ċerimonja.

L-istatwa ta' San Ġużepp inħarġet fuq l-ispalla mill-Katidral sa barra mis-swar taċ-Ċittaddella minn fejn qabdet triqitha lura lejn Malta għal Ħal Għaxaq.

Din iċ-ċelebrazzjoni kienet imxandra 'live' ukoll fuq il-paġna tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta' Ħal Għaxaq, iżda l-filmat tneħħa dalgħodu wara li ġie ppubblikat ukoll minn dan is-sit.

Aqra wkoll:

More in Politika