‘Tkun insensittiva jekk bħalissa nitkellmu fuq l-eventwalità ta’ festi’ – Il-Kurja

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Kurja tal-Arċisqof jekk hux se taġġorna jew testendi d-direttivi dwar il-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Titkellem ukoll ma organizzaturi tal-festa u tistaqsihom x’jaħsbu dwar il-festi fis-sena 2021...

Madonna tal-Grazzja Ħaż-Żabbar (Ritratt: Mark Micallef Perconte)
Madonna tal-Grazzja Ħaż-Żabbar (Ritratt: Mark Micallef Perconte)

Minkejja li xi festi titulari jinsabu wara l-bieb, kif inhuma wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, li normalment il-preparazzjoni għalihom tibda minn issa, ma jidhirx li l-Arċidjoċesi se tkun qed tippubblika direttivi ġodda fil-qrib.

Mistoqsija mill-gazzetta ILLUM, jekk hux se taġġorna jew testendi d-direttivi dwar il-festi li ħarġet is-sena li għaddiet, il-Knisja qalet biss li se tkompli timxi mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Bħalissa tinħass insensittiva li nitkellmu fuq l-eventwalità ta’ festi meta għaddejin minn dan iż-żmien diffiċli, b’imwiet kuljum u rata għolja ta’ każi pożittivi,” wieġbet l-Arċidjoċesi lill-ILLUM.

L-ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Arċidjoċesi dwar jekk hux se tippubblika direttivi ġodda hekk kif l-aħħar kommunikazzjoni tal-Kurja dwar il-festi, datata l-1 ta’ Awwissu 2020, ir-regolamenti kienu jgħoddu “għall-festi kollha ċċelebrati tul is-sena 2020.”

Anke jekk wieħed mhux jippretendi li jsiru l-festi meta l-każi qed jiżdiedu, id-dilettanti tal-festa li tkellmu mal-gazzetta ILLUM saħqu li għandu jkun hemm xi forma ta’ kommunikazzjoni, anke meta tqis li hemm festi u ċelebrazzjonijiet li huwa wara l-bieb.

Fil-fatt, l-ILLUM staqsiet ukoll lill-Arċidjoċesi jekk hux se tippubblika direttivi dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, anke għax minkejja li fadal sa April, il-preparazzjonijiet għalihom tibda minn issa.

Fit-tweġiba tagħha, il-Kurja qalet biss li “f’dan l-istadju, tappella lil kulħadd sabiex nieħdu ħsieb xulxin billi nimxu mad-direttivi tas-saħħa.”

Ġimgħa Kbira Ħal Qormi (Ritratt: Mark Micallef Perconte)
Ġimgħa Kbira Ħal Qormi (Ritratt: Mark Micallef Perconte)

X’seħħ is-sena li għaddiet?

Is-sena li għaddiet, iċ-ċelebrazzjonijiet kollha tal-Ġimgħa Mqaddsa ma sarux, inkluż iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knejjes hekk kif dawn kienu magħluqa.

Anke l-festi. Ħafna minnhom ma sarux. Id-direttivi tal-Kurja kienu ċari. Il-festa setgħet tkun iċċelebrata f’ġurnata waħda biss, jiġifieri dakinhar tal-festa, b’quddiesa solenni. Il-vari setgħu jinħarġu biss fil-knejjes jumejn qabel il-festa. Il-festi esterni tħassru kompletament.

F’Lulju, ingħataw il-permess biex isiru wkoll pellegrinaġġi bil-vari, iżda dawn twaqqfu ħesrem mill-ewwel Ħadd ta’ Awwissu meta l-każi tal-Covid-19 reġgħu splodew ‘il fuq. 

San Pawl l-ewwel li jlaqqata’

San Pawl tal-Belt, iċċelebrat fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, nhar l-10 ta’ Frar, kien l-ewwel li laqqata’.

Fil-fatt, il-Kapitlu tal-Kolleġġjata u anke l-Għaqda tal-Pawlini, ilhom minn Diċembru li ħabbru li mhux se tkun qed issir il-festa esterna, inkluż il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Pawl.

Għal din is-sena, il-festa ta’ San Pawl se tkun iċċelebrata bi preparazzjoni spiritwali fil-knisja u bil-Pontifikal li se jsir nhar l-10 ta’ Frar fid-9:30am. Filgħaxija l-purċissjoni mhux se ssir, iżda l-Pawlini Beltin qed jippjanaw pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Pawl nhar il-Ħadd il-5 ta’ Settembru, dejjem jekk jippermettu l-awtoritajiet tas-saħħa.

L-Għaqda tal-Pawlini qalet li se tkun qed tarma u żżejjed l-inħawi madwar il-Kolleġġjata filwaqt li se torganizza attivitajiet fil-Barrakka ta’ Isfel fid-9 ta’ Frar, u Taħt il-Qanpiena nhar l-10 ta’ Frar filgħaxija, bil-miżuri kollha hekk kif mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Festa oħra li tinsab wara l-bieb, hija dik ta’ San Ġużepp fir-Rabat tal-Imdina, iċċelebrata nhar id-19 ta’ Marzu. Sa issa, dwar din il-festa ma kien hemm l-ebda kommunikazzjoni.

Din kienet l-ewwel festa li tħassret is-sena li għaddiet hekk kif kienu nstabu l-ewwel każi tal-Covid-19 f’Malta. 

Is-sena li għaddiet kellha tkun sena speċjali għall-Ġużeppini, mhux biss Rabtin, minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 anniversarju minn meta San Ġużepp kien ipproklamat bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed ikomplu din is-sena, hekk kif fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, il-Papa Franġisku ddikkjara Sena Ġużeppina.

X’qed jagħmlu l-għaqdiet tal-festa u l-każini?

Fil-jiem li għaddew, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi voluntiera li jaħdmu f’għaqdiet jew inkella f’każini li qed jistennew direzzjoni mill-Knisja dwar il-festi, anke għax il-preparazzjoni għal dawn il-jiem jibdew minn xhur qabel.

Għalkemm donnu hemm rassenjazzjoni, li anke jekk isiru, il-festi mhux se jkunu qed isiru fuq l-iskala tas-soltu, xorta waħda qed jistennew forma ta’ direzzjoni mill-Knisja biex ikunu jistgħu jippjanaw il-ħidma tagħhom.

Bħal kull għaqda, negozju jew entità, l-għaqdiet tal-festi u l-każini qalgħu daqqa kbira bil-pandemija, l-aktar fejn jidħlu l-finanzi. Dan ukoll qed jinkwieta u jħasseb diversi voluntiera.

L-ILLUM tistaqsi...

Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ erba’ voluntiera li huma imdaħħla direttament fl-organizzazzjoni ta’ festa. L-ILLUM staqsiethom erba’ mistoqsijiet, jiġifieri jekk jaħsbux li l-festi se jsiru, jekk hux se jsiru fuq l-istess skala tas-soltu, jekk hux qed iħejju programm għall-festa u anke staqsithom dwar l-impatt li l-pandemija kellha fuq l-għaqda jew il-każin rispettiv tagħhom.

Christian Raggio
Christian Raggio

‘Jekk ma jsirx xejn, il-festi se jieħdu daqqa f’kull aspett’ – Christian Raggio Vella, Direttur tal-Armar, Festa San Lawrenz Birgu

L-2021 ma tantx tidher sabiħa s’issa. Irridu nżommu saqajna mal-art. Kulħadd jixtieq li nerġgħu lura għan-normal. Aħna bħala Kumitat tal-Festa qed naħdmu daqslikieku se niċċelebraw il-festa bħas-soltu fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu. Ix-xogħol fl-imħażen ma jistax jieqaf, anzi qed nieħdu din l-opportunità biex nagħmlu aktar xogħol speċjalment fejn jidħol restawr. Ix-xogħol għaddej u mhux se jieqaf. Hux se niċċelebraw il-festi esterni ma nafx, però l-10 ta’ Awwissu jiġi xorta, San Lawrenz infakkruh xorta żgur!

Personalment naħseb li għal din is-sena diġà diffiċli li jsiru, aħseb u ara li jsiru kif isiru ssoltu. Jekk din is-sena ma jsir xejn, sintendi s-saħħa tiġi l-ewwel, il-festi se jieħdu daqqa f’kull aspett, speċjalment fil-qasam finanzjarju u naħseb li anke fl-aspett ta’ ħeġġa/aptit. Jista’ jagħti l-każ li l-effett tal-pandemija jaħdem kontra, in-nies ikunu bil-għatx għall-festi/attivitajiet u għalhekk jirrikorru u nerġgħu nieħdu spinta ‘l quddiem. Mhux xenarju li qed ipinġi moħħi, iktar naħseb li l-effetti tal-pandemija se jkunu aktar negattivi milli pożittivi. Jekk din is-sena jsiru l-festi, għandi dubji kbar kemm ikunu fuq l-iskala li ssoltu mdorrijin bihom.

L-10 ta’ Awwissu dejjem tasal u bħalma għamilna s-sena l-oħra, jekk mhux esternament, fil-Knisja niċċelebraw żgur il-Festa ta’ San Lawrenz. Il-programm tal-Festa 2021 huwa bħall-festa tas-soltu, jiġifieri bħal dak li sar l-aħħar fl-2019. Anke l-baned, diġà mistiedna. Aħna fil-pjan li ssir festa sħiħa bħalma sar dejjem. Issa skont l-iżviluppi tal-pandemija, aktar ma joqrob iż-żmien, nibdew naddattaw skont l-istruzzjonijiet u skont is-sitwazzjoni bħalma konna pjanajna s-sena l-oħra.

Bħalma jsemmi kulħadd, l-akbar daqqa ta’ ħarta jkun il-qasam finanzjarju. Il-festi jiddependu fuq il-fund raising u l-isponsors u ż-żewġ aspetti ħadu daqqa. Attivitajiet ma tistax tagħmel u ċerti sponsors ħadu daqqa wkoll. Hawn min jaħseb li għax il-festa ma saritx, allura qed infuru bil-flus għax ġemmajnihom! Mhu minnu xejn. Qabel xejn, wara l-Festa tal-2019, għall-bidu ta’ Settembru, ippjanajna u ħejjejna programm ta’ xogħol li ħafna minnu beda fl-immedjat. Alla ħares bdejna f’Marzu, meta bdiet il-pandemija, għax għall-festa kien jonqos biss ħames xhur, inqas minn nofs triq. Huwa minnu li ċertu xogħol waqqafnieh u ddeċidejna li jsir aktar ‘il quddiem iżda xogħol li kien beda bħal restawr, sfumar u affarijiet oħra, dawn kellhom jitkomplew u jitlestew u fuq kollox, jitħallsu! Biss, konna bilgħaqal u ħdimna bi programm biex ma nonfqux iżżejjed.

Il-pandemija laqtet ukoll l-imħażen jew aħjar l-interess tal-volontiera. Mhux kulħadd bħalna ‘l-iffisati’. Il-ħeġġa ta’ ċerti nies tmewtet xi ftit għall-fatt li l-festa ma saritx u ma nafux hux se ssir u allura minkejja li x-xogħol ma waqaf xejn, kellna żmien fejn il-pass mgħaġġel tax-xogħol kien ikkalma. Oħrajn beżgħu u ma tagħti tort lil ħadd. Nirringrazzjaw lil Alla li l-imħażen kienu u għadhom attivi kuljum.

Fund raising. L-attivitajiet li jħallu lira tajba spiċċaw. Kellna nduru għal mezzi oħra fosthom, ħloqna d-deliveries bl-ikel, fejn n-nies ħadnilhom l-ikel flok ġew għal xi ikla. Ħloqna aktar affarijiet ta’ merchandise, mugs, hoodies, gearijiet, keychains, eċċ li għalkemm ma jħallux ammonti kbar daqs attivitajiet tas-soltu, xorta tirreġistra xi ftit dħul.

Minkejja li mhux taħt ir-responsabbiltà tagħna bħala kumitat, hija daqqa ta’ ħarta li l-Każin tal-Banda, id-dar tal-familja Palmiża fil-Pjazza tal-Birgu, tarah magħluq.

Nittamaw biss, li minkejja kollox, nerġgħu lura għan-normal kemm fuq termini ta’ saħħa imma wkoll għall-ġid ta’ dawn it-tradizzjonijiet li jinżammu ħajja minn ħafna volontiera.

Omar Xuereb
Omar Xuereb

‘Għas-sentejn li ġejjin il-festi għandhom jiġu ridotti għal jumejn’ – Omar Xuereb, President Għaqda Mużikali Marija Assunta Gudja

Naħseb li l-festi iva għandhom isiru għax qiegħed nibża’ li ħa nitilfu ħafna dilettanti tal-festi u voluntiera. Diġà bdejna nħossu n-nuqqas tal-voluntiera aħseb u ara jekk nibqgħu ma nagħmlux il-festi.

Nemmen, li l-festi għal din is-sena u anke s-sena 2022 għandhom jiġu ridotti għal jumejn, jiġifieri lejliet u nhar il-festa. Importanti li l-festi kollha jsiru hekk u mhux min jorganizzaha fis-sajf jagħmel ġimgħa festa u min jagħmilha fil-ħarifa jew ir-rebbiegħa inħalluhom b’jumejn festa jew saħansitra xejn. Importanti li jkun hemm direttiva biex il-festi jsiru fuq jumejn. 

Aħna bdejna nippreparaw xorta waħda għax jekk l-awtoritajiet joħorġu stqarrija li l-festi jistgħu jsiru (naħseb miraklu jrid ikun), aħna nkunu ppreparati, fis-sens li l-banda trid tkun magħluqa, għax il-bandisti dejjem qed jonqsu. Xorta nemmen li ċertu każini se jsibuha diffiċli minħabba li l-ġbir kollu wieqaf.

Lilna, il-pandemija laqtitna ħażin bħal każini oħra. Anzi ż-żgħażagħ, flimkien mal-Kumitat ċentrali, organizzajna ċertu attivitajiet fejn stajna imma xorta mhux biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż li ġġib magħha festa. Għandna wkoll il-kamra tan-nar li wkoll se jkollha diffikultajiet għax jekk ma jinbigħx nar għal festi oħra, se jkollhom sfida finanzjarja biex jaħdmu n-nar għall-festa tagħna. 

Għall-grazzja t’Alla, it-tagħlim tal-mużika, baqa’ għaddej onlajn u l-banda nistgħu ngħidu li nżammet ftit ħajja, imma xorta nemmen li r-riperkussjonijiet ta’ dan kollu għandna minn tal-inqas sentejn biex forsi nergħu nibdew niġu għan-normal. Il-każin magħluq, tal-bar ma jħallasx il-kera, ġbir ftit li xejn u riklami kollox wieqaf. Imnalla kien il-Gvern u l-Għaqda Każini tal-Banda, li taw ftit għajnuna finanzjarja, kemm stajna nkopru l-kontijiet tad-dawl, il-lezzjonijiet u spejjeż oħra li jkollhom tħallas bilfors matul is-sena.

Noel Cutajar
Noel Cutajar

‘Jekk isiru l-festi, niddubita kemm jistgħu jsiru bħal qabel’ – Noel Cutajar, Segretarju Soċjetà Mużikali ta’ San Ġużepp Ħal Kirkop

Is-sena 2021 tidher li se tkun sena diffiċli wkoll. Jiena personali naħseb li diffiċli biex isiru l-festi u jekk isiru, irridu naraw meta se jinfetħu l-każini. L-attivitajiet naqsu drastikament.

Ma naħsibx li jekk isiru, il-festi se jkunu fuq l-istess skala peress li fondi mhux jidħlu bħal ma kienu fi żminijiet normali. Jekk il-festi jsiru, rridu naraw meta se jiftaħ il-każin u kemm se jilħqu jsiru attivitajiet.

Bħala kumitat u sezzjonijiet kulħadd għadu għaddej bil-ħidma u l-proġetti tiegħu u kull sezzjoni, qed tagħmel attivitajiet, kif nistgħu, biex almenu jkun hemm xi tip ta’ dħul.

Il-pandemija ovvjament laqtet lil każin ħażin ħafna għax issa ilu ftit magħluq mhux ħażin. Is-sena li għaddiet aħna kellna festi kbar ippreparati għall-150 sena tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp. Iċċelebrajna kif stajna u inawguraja l-kwadru bil-pittura ta’ San Ġużepp fuq l-artal tiegħu.

Nisperaw li l-2021 u fi żmien li ġej, nirkupraw u jkollna l-festi sbieħ li nafu niċċelebraw aħna l-Maltin.

More in Politika