Zammit Dimech mistenni jitfa' ismu biex f'Marzu jerġa jinħatar Segretarju Ġenerali tal-PN

Mal-ILLUM Francis Zammit Dimech jikkonferma illi l-intenzjoni tiegħu hi li jitfa' ismu biex jibqa' fil-kariga, meta f'Marzu li ġej l-Eżekuttiv jaħtar Segretarju Ġenerali tal-PN

Francis Zammit Dimech
Francis Zammit Dimech

Minkejja li sena ilu - Frar tal-2020 - Francis Zammit Dimech kien inħatar Segretarju Ġenerali Interim tal-Partit Nazzjonalista huwa kkonferma mal-gazzetta ILLUM illi l-intenzjoni tiegħu hija li jibqa' fil-kariga li għandu llum u li mistenni jkun hemm deċiżjoni dwarha f'Marzu li ġej mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. 

Sorsi fi ħdan il-PN qalu lil din il-gazzetta illi ma jidhirx li Zammit Dimech se jkun qed jitneħħa minn din il-kariga li mistennija tkun importanti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Jidher iżda li minflok it-tmexxija tal-PN se tkun qed timbotta lid-Deputat Claudio Grech biex ikun il-frontman tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.  L-istess sorsi qalu illi l-PN qed ilesti għall-eventwalità ta' elezzjoni ġenerali iktar tard din is-sena.

Il-gazzetta ILLUM ċemplet lil Francis Zammit Dimech u staqsietu hux se jkun qed jitfa' ismu bex jibqa' fil-kariga li għandu llum bir-risposta tkun:  "Dik hija l-intenzjoni, iva."

Jekk Francis Zammit Dimech jibqa' Segretarju Ġenerali, dan ikun ifisser illi l-Kap tal-PN Bernard Grech se jkun qed jersaq għall-elezzjoni bi tmexxija li kellu l-Kap predeċessur tiegħu Adrian Delia. 

Il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo, irrappurtat illi kien fost dawk li rreżistew bil-qawwi tibdil fid-dekasteru tax-Shadow Cabinet tiegħu, ikkampanja b'mod apert u intensiv favur Adrian Delia, fl-aħħar elezzjoni għal Kap ġdid Nazzjonalista.  Il-Viċi Kap l-ieħor David Agius, minkejja li kien fost dawk li baqgħu leali lejn Delia, ftit li xejn ippronunzja l-opinjoni tiegħu waqt it-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN.
Intant l-istess sorsi kkonfermaw li d-dekasteru mogħti lil Claudio Grech - li jinkludi t-tfassil tal-programm elettorali u t-tmexxija tal-clusters fi ħdan il-PN - kien sinjal ċar ta' approvazzjoni u ċertifikat pożittiv għal dan id-Deputat.  Grech fil-fatt, mistenni jkun wieħed minn dawk il-persuni fuq quddiem fil-preparazzjoni għall-elezzjoni ġenerali. 

Grech - persuna li kienet ilha tissemma' għall-ogħla kariga fil-PN - kien se jkun il-magħżul tad-Deputati ribelli, meta dawn urew sfiduċja f'Adrian Delia quddiem il-President tar-Repubblika.  Iżda dan il-pjan inbidel u minflok kienet proposta bħala Kap tal-Oppożizzjoni Therese Comodini Cachia. 

Tela' fl-1987 u dam 16-il sena f'Kabinett Nazzjonalista

Francis Zammit Dimech, ta' 67 sena, serva bħala Deputat għall-ewwel darba fl-1987, meta kien elett l-ewwel Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami. 

Huwa okkupa diversi karigi f'Kabinetti ta' Gvernijiet differenti Nazzjonalisti, fosthom tal-Ambjent, Turiżmu u Kultura kif ukoll tal-Affarijiet Barranin.  Huwa serva wkoll ta' MEP wara elezzjoni każwali li permezz tagħha ħa post Therese Comodini Cachia, li kienet ġiet eletta fil-Parlament ta' Malta. 

Hu sar Segretarju Ġenerali wara r-riżenja ta' Clyde Puli, li fl-ittra tar-riżenja tiegħu kien kritiku dwar kurrenti li kienu għaddejjin fil-PN, li jgħid illi ma ħallewhx jaħdem. 

X'se jiġri minn issa sa Marzu?

Il-PN diġa' organizza l-elezzjonijiet tal-Kumitati Lokali u fil-jiem li ġejjin se jkomplu għaddejjin l-elezzjonijiet tal-Kumitati Distrettwali, li ġew posposti għal ftit ġimgat minħabba l-Covid-19. 

Dan kollu se jwassal għall-Konferenza Ġenerali lejn Marzu li tagħżel lill-membri tal-Eżekuttiv tal-PN li mbagħad ikunu huma li jagħżlu b'vot lis-Segretarju Ġenerali. 

Is-Segretarju Ġenerali jeħtieġ ikun membru tal-Eżekuttiv tal-PN.

More in Politika