Dawk kollha li qed jirċievu kura fit-tul fl-Isptar Karen Grech jingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin

Min-nhar il-Erbgħa l-pazjenti tal-Onkoloġija li jkunu waslu biex jieħdu l-kimoterapija se jibdew jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19 

Il-pazjenti kollha fl-Isptar Karen Grech li għandhom ’il fuq minn 85 sena u qed jirċievu kura ta’ rijabilitazzjoni, kif ukoll il-pazjenti ta’ ’l fuq minn 60 sena li qed jirċievu kura fit-tul, ingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin tal-COVID-19.

Dan bl-eċċezzjoni ta’ pazjenti li huma pożittivi għall-COVID-19 jew jinsabu kwarantina, li se jkunu qed jitlaqqmu ladabra saħħithom tippermetti, u bl-eċċezzjoni ta’ pazjenti li ma setgħux jieħdu t-tilqima minħabba kundizzjonijiet mediċi jew li rrifjutaw it-tilqima. 

Dan filwaqt li qed jitlaqqmu wkoll il-professjonisti mediċi u l-ħaddiema tal-Isptar, skont il-pjan tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Pazjenti tal-onkoloġija se jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19 qabel ma jibdew jirċievu l-kimoterapija

Min-nhar il-Erbgħa l-pazjenti tal-onkoloġija li jkunu waslu biex jieħdu l-kimoterapija se jibdew jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19. Dan sabiex dawn l-individwi jkunu protetti mill-COVID-19 qabel ma tiddgħajjef l-immunità tagħhom.

Dan il-proċess se jkun organizzat mill-Isptar Mater Dei stess u se jkunu l-konsulenti tal-pazjenti li jindikaw meta se jingħataw il-vaċċin, skont protokol li ġie stabbilit mill-Awtoritajiet għas-Saħħa.

Pazjenti tal-onkoloġija li qegħdin jieħdu l-kimoterapija bħalissa se jkunu qed jingħataw data iktar ’il quddiem, mill-istess konsulenti, skont il-qagħda tas-saħħa tal-pazjenti.

 

More in Politika