Aktar riżorsi għall-programm ta' ikel lil dawk fil-bżonn - approvati mill-Parlament Ewropew

20% tal-Ewropej raw is-sitwazzjoni tagħhom tiddeterjora minħabba l-pandemija

Aktra riżorsi għall-iskema FEAD
Aktra riżorsi għall-iskema FEAD

B’649 vot favur, sebgħa kontra u 31 astensjoni, il-Parlament Ewropew approva l-ftehim biex jiġi adattat ir-regolament FEAD li ntlaħaq mal-Istati Membri f’Diċembru tas-sena li għaddiet u b'hekk l-Istati Membri jkollhom aktar riżorsi għall-programm tal-ikel mogħti lil dawk fil-bżonn.

Ir-regolament adattat jippermetti lill-Istati Membri jkomplu jużaw il-fondi addizzjonali li tqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-irkupru wara l-COVID-19 taħt l-inizjattiva REACT-UE fl-2021 u l-2022. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jżidu r-riżorsi pprovduti fir-regolament FEAD għall-għajnuna fl-ikel u għajnuna bażika oħra għal dawk l-aktar fil-bżonn. Sabiex jittaffa l-piż attwali fuq il-baġits pubbliċi, ir-riżorsi addizzjonali mhux se jkunu ko-finanzjati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni se tipprovdi pre-finanzjament biex tkompli tħaffef il-kunsinna.

Il-pandemija tal-Covid-19 waslet għal tbatijiet kbar fuq setturi wiesgħa tal-popli Ewropej, inkluż ta' setturi tal-polu Malti.  Fi tliet distribuzzjonijiet separati ta' ikel lil persuni u familji vulnerabbli, fl-2020, kien hemm dejjem aktar minn 3,000 dar eliġibbli fl-iskema FEAD hawn Malta. 

Fi Frar kien hemm 3,166 dar eliġibbli, f'Ġunju 3,178 u f'Novembru 3,176, skont statistika mgħoddija lill-gazzetta ILLUM mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benesseri Soċjali (FSWS).

Dan apparti skema tal-Gvern Malti stess ta' tqassim ta' ikel lil persuni vulnerabbli li għaliha kienu eliġibbli 18,854 dar f'Settembru tas-sena l-oħra.

Aktar minn 20% tal-Ewropej kollha raw is-sitwazzjoni tagħhom tiddeterjora fl-aħħar xhur "b'dan il-fond ikun allura l-istrument li jappoġġjahom biex isibu t-triq tagħhom mill-faqar u jerġgħu jidħlu fis-soċjetà," tgħid ir-rapporteur Lucia Ďuriš Nicholsonová.

Nicholsonová qalet illi "din il-pandemija kellha konsegwenzi estensivi fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies, speċjalment fuq dawk li kienu vulnerabbli diġà."

Imma FEAD x'inhi eżatt?

Il-Fond ta’  €3.8 biljun għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn - FEAD - ġie introdott fl-2014 bħala azzjoni tal-UE biex ittaffi l-agħar forom ta’ faqar u trawwem il-koeżjoni soċjali fl-Ewropa. 

Madwar 13-il miljun persuna jibbenefikaw mill-Fond kull sena, inklużi madwar erba' miljun tifel u tifla.
 Il-pandemija COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha iggravaw is-sitwazzjoni ta’ aktar minn 20% tal-popolazzjoni tal-UE li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u d-diviżjonijiet soċjali, u żiedu t-telf t’impjiegi, ir-rati tal-qgħad u l-inugwaljanzi.

U issa x'se jiġri?

Il-Kunsill għandu wkoll japprova t-test formalment. Ladarba jkun għamel dan, il-miżuri adottati jidħlu fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika