'Implikazzjonijiet katasfrofiċi jekk jintilef sajf ieħor' - Appelli biex l-Ewropa tħaffef l-għoti tal-vaċċin

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta Alan Borg jesprimi t-tama li jitħaffef il-proċess tal-għoti tal-vaċċin

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta International Airport Alan Borg wissa' li jekk ma jkunx hemm azzjoni fuq livell Ewropew biex jittieħdu miżuri li joħolqu kunfidenza fost il-konsumaturi, kif ukoll biex jitħaffef il-proċess li bih jingħata l-vaċċin, b'reġim uniformi ta' ttestjar u regoli dwar vjaġġar fuq livell Ewropew, "dan jista' jirriżulta fit-telfien ta' sajf ieħor, b'implikazzjonijiet katastrofiċi għall-industrija turistika kif ukoll l-ekonomija b'mod ġenerali."

Dan qalu hekk kif tħabbru r-riżultati tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) għall-2020, li juru tnaqqis qawwi ta' 76% meta mqabbel mal-2019.  F'Diċembru tal-2020 waħdu t-traffiku fl-ajruport kien ta' 10% biss dak li kien fl-2019, b'total ta' 46,475 moviment. 

Dan huwa frott il-pandemija li rat ħafna ajruporti madwar id-dinja - inkluż dak ta' Malta - jagħlaq għal numru ta' xhur. 

Dan huwa simili għat-tnaqqis li sofrew ajruporti Ewropej, bil-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti jgħid it-tnaqqis medju kien ta' 79.6% u telf ta' 6,000 rotta.

Borg temm ifaħħar il-passi 'l quddiem li qed isiru fuq livell Ewropew biex jinħoloq ċertifikat li permezz tiegħu persuni jkunu jistgħu jivvjaġġaw għall-pajjiżi oħrajn, ladarba jkunu ħadu t-tilqima tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

 

More in Politika