L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija tisħaq li qed jinqalgħu inċidenti fi stabbilimenti li suppost huma magħluqa

L-MPA qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jassiguraw li l-istabbilimenti li suppost huma magħluqa, effettivament ikunu

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija Maltija (MPA) qalet fi stqarrija li tinsab imħassba bl-ammont ta' inċidenti li qed ikun hemm kemm f'Paceville u anke f'diversi lokalitajiet u dan minkejja li ħafna mill-postijiet tad-divertiment huma magħluqa.

Fil-fatt, fl-istqarrija tagħha, l-MPA qed tistaqsi kif jista' jkun li meta, suppost, il-bars u d-diskoteki jinsabu magħluqa, skont l-Avviżi Legali 336/2020 u 478/2020, qiegħed xorta waħda jkun hemm inċidenti qrib jew saħansitra li jkunu bdew minn stabbilimenti simili.

"Infakkru li l- membri tal-Korp tal-Pulizija qiegħed ikollhom iħabbtu wiċċhom direttament ma' nies li jikkaġunaw inkwiet għad-detriment tas-saħħa tagħhom. Infakkru li dawn in-nies ħadd ma jaf min huma u ma jkunux jiffurmaw parti mill-ebda ‘bubble’," kompliet l-istqarrrija.

L-MPA qalet li qed tosserva dawn il-izviluppi mill-qrib u mhux teskludi li tieħu azzjoni biex tissalvagwardja s-saħħa personali tal-membri tagħha.

"Inħeġġu lill-Awtoritajiet ikkonċernati sabiex jassiguraw li l-istabbilimenti li suppost huma magħluqa, effettivament ikunu," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika