'Il-Gvern qed jipprijoritarizza grupp artistiku barrani u mhux lill-industrija kultura lokali'

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jilmenta għax ġie infurmat li f'Novembru li ġej mhux se jkun jista'  jorganizza l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 f' Dar il-Mediterran

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jappella direttament lill-Gvern u lill-Prim Ministru biex jassiguraw li l-KNK u l-industrija tal-kotba jkollhom aċċess sħiħ u bla riżervi għaċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Mediterran, sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 mill-10 sal-14 ta’ Novembru, kif ukoll fis-snin ta’ wara.

Fi stqarrija, il-KNK qal li kien infurmat li mhux se jkun jista’ juża Sala Repubblika għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, għax minflok din se tintuża għax-xow ta’ atturi internazzjonali taċ-ċirkli issussidjat pubblikament - Cirque de Soleil.

“Wara li sofriet l-agħar daqqa ta’ ħarta ekonomika li qatt qalgħet, l-industrija tal-kotba f’Malta teħtieġ is-sapport kollu li tista’ tieħu mill-Gvern. Madankollu jekk l-ispazju fl-MCC se jkun ristrett, dan se jaffettwa b’mod gravi lill-avveniment innifsu u d-dħul li jiġġenera, li huma kruċjali biex l-industrija tal-kotba tibqa’ teżisti,” saħaq il-Kunsill fi stqarrija. “Nixtiequ ninnutaw li f’dawn iċ-ċirkustanzi partikulari u mhux mistennija, meta tqis li l-KNK huwa l-aktar klijent konsistenti u leali tal-MCC - użajna s-swali tiegħu fi żmien il-pandemija meta ħaddieħor kien qed jikkanċella kollox - qed niġu ttrattati b’dal-mod ħażin mill-eżekuttiv u l-amministrazzjoni tal-MCC.”

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb saħansitra saħaq li s-sena li għaddiet, Cirque de Soleil fallew u għalhekk qed jisħqu li s-sussidju pubbliku tal-Gvern Malti lil dil-kumpanija jista’ jkollu bażi legali dubjuża immens, u aktarx huwa illegali skont regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

“Barra minn hekk, jidher li f’Malta biss iseħħu dawn l-affarijiet, fejn għandek Gvern li jieħu d-deċiżjoni bizarra u assurda li jipprijoritarizza grupp artistiku barrani u mhux lill-industrija kultura lokali. Anki jekk l-għan ewlieni tal-Gvern hu li jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni turistika, qed iwaqqa’ l-ġebla fuq saqajh jekk jagħmel dan billi jiffavorixxi gruppi artistiċi barranin minflok lill-industrija kreattiva lokali,”temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika