Mallia jiċħad li jrid post l-eks Ambaxxatur Filletti u jekk mitlub ma jaċċettax

Sorsi differenti - inkluż sorsi qrib il-Gvern - qalu lill-gazzetta ILLUM li Mallia qed jissemma' bħala l-favorit għal din il-kariga

Manuel Mallia
Manuel Mallia

Id-Deputat u eks Ministru Manuel Mallia ċaħad diċeriji li qed iduru illi huwa ntalab biex jitlaq minn Deputat sabiex isir Rappreżentant Permanenti ta' Malta fil-Kunsill tal-Ewropa. Din il-pożizzjoni ġiet vakata mill-Ambaxxatur Joseph Filletti, f'Diċembru li għadda hekk kif kien spiċċa t-terminu tiegħu.  Sorsi differenti - inkluż sorsi qrib il-Gvern - qalu lill-gazzetta ILLUM li Mallia qed jissemma' bħala l-favorit għal din il-kariga. 

Dawn sostnew illi jekk jitpoġġa Mallia, dan se jiftaħ spazju mill-ġdid għal co-option oħra fil-Grupp Parlamentari Laburista,  wara dik ta' Oliver Scicluna din il-ġimgħa u Miriam Dalli kif ukoll Clyde Caruana, qabel.  

Iżda kuntatt mal-ILLUM Mallia ċaħad li hu talab jew li ġie avviċinat biex jingħata l-kariga li kellu Filletti u sostna illi anke kieku stess jiġi avviċinat, hu se jirrifjuta din l-offerta minħabba l-livell ta' abbilitajiet tiegħu fil-lingwa Franċiża, rekwiżit importanti għal din il-kariga. 

Mallia kien wieħed mill-persuni li ressqu lejn il-Partit Laburista wara l-2008, meta kien elett Joseph Muscat, minkejja li l-passat tiegħu kien marbut għal diversi snin mal-Partit Nazzjonalista.  Hu kien elett f'isem il-Partit Laburista fl-2013 u sar Ministru tal-Intern, kariga li kellu jħalli wara l-inċident ta' sparatura mix-xufier tiegħu.  Iktar tard fil-leġiżlatura, hu kien reġa' inħatar Ministru mill-eks PM Joseph Muscat.

Imbagħad fl-2017 kien elett biss permezz ta' by-election wara li ma kienx elett direttament fl-elezzjoni ġenerali, mid-disa' distrett.

Din il-ġimgħa l-Partit Laburista ħabbar li Oliver Scicluna se jieħu l-post, inizzjalment ta' Edward Scicluna li mtela' permezz ta' elezzjoni każwali minn Gavin Gulia.  Gulia rriżenja minn Deputat ftit biss wara li ħa l-ħatra. 

Intant il-Ministru Clayton Bartolo ssottometta isem Gulia biex dan jgħaddi mill-iskrutinju Parlamentari biex jerġa jinħatar Chairperson tal-Malta Tourism Authority.

More in Politika